5 punti biex iżżomm il-friġġ organizzata
L-ordni tgħin f’kollox fil-ħajja, anke fejn tidħol il-friġġ. Li l-friġġ tkun organizzata tgħin biex tevita l-ħela. Jekk ikollok affarijiet imqalbin, titlef il-kontroll fuq l-iġjene tal-friġġ u tirriskja li titkattarlek xi moffa u batterji minn qalb l-ikel.
Il-ħames punti li ġejjin jgħinuk żżomm l-friġġ tiegħek kif sippost.
1. Qassam
Ibda billi ddur dawra l-friġġ u qassam l-ikel f’kategoriji. Ara li l-frott, ħaxix, prodotti tal-ħalib, u dawk maħżuna f’ bottijiet ikunu miġbura għalihom. Warrab l-ikel skadut u pprova aħseb x’wassal biex tkun insejtu. Tħalli xejn jiġri waħdu għalih ġol-friġġ.
2. Naddaf u ddiżinfetta
Għalkemm forsi timsaħ il-friġġ ta’ spiss, ħasla sewwa tgħin biex iżżomha fl-aqwa kundizzjoni. Aqla l-kxiexen u l-aċċessorji l-oħra u agħtiha ħasla billi tbaħbaħ b’ ċarruta fl-ilma bil-ħall. Dur dawra sew il-friġġ speċjalment il-kantunieri. Kif tlesti kun żgur li tkun ixxottajt kollox b’biċċa xotta.
3. Organizza
Tajjeb li niftakru fl-aħjar mod li bih jitqassam l-ikel fil-friġġ. Il-kxaxen jistgħu jkunu ddedikati għall-frott u għall-ħaxix. Fl-ixkaffa t’isfel għandhom jitpoġġew affarijiet nejjin bħal-laħam jew ħut. L-ixkafef ta’ fuq għandhom ikunu iktar iddedikati għall-prodotti tal-ħalib, bajd u ħelu. Sabiex tevita li tarmi affarijiet għal xejn, importanti li l-prodotti li jkunu waslu biex jiskadu tpoġġihom fejn jidhru sew. Il-frott u l-ħaxix m’għandhomx jitħallew għal tul taż-żmien. Fil-bieba jistgħu jitpoġġew affarijiet li ma jiġux daqshekk affetwati mit-tibdil fit-temperatura.
4. Ipprevjeni
Jekk taħseb sew minn qabel, l-ippjanar jgħinek ma tarmix għal xejn u tiffranka anke l-flus. Ikun għaqli li taħseb dwar l-ikliet ta’ matul il-ġimgħa minn qabel u li tħalli fil-qrib ix-shopping list. B’hekk tixtri biss li hemm bżonn, tiffranka l-flus u tagħmel inqas ħsara lill-ambjent.
5. Aħżen l-ikel bl-aħjar mod
Importanti wkoll li l-ikel jiġi maħżun sew sabiex kemm jista’ jkun ma jmurx malajr. Ikel li jkun diġa’ msajjar erfgħu f’kontenituri li ma jħħalux tgħaddi l- arja minnhom. Ikel bħal prieżet u ġobnijiet jservu aktar jekk jiġu stivati f’kontenituri żgħar apposta.
Nisperaw li konn t’għajnuna għalikom!