6 Suġġerimenti għal meta ttir bl-ajruplan

 6 Suġġerimenti għal meta ttir bl-ajruplan

Għal bosta l-użu tal-ajruplan sar xi ħaġa komuni llum. Mawra sal-ajruport m’għadx għadha xi ħaġa mhux tas-soltu. Għalhekk huwa importanti li wieħed iżomm f’moħħu xi suġġerimenti li mhux talli jagħmlu l-vjaġġ wieħed iktar pjaċevoli imma anki jħarsu s-saħħa u l-kumdità ta’ dak li jkun.

Ixrob!

Jekk ma tixrobx biżżejjed ilma waqt li tkun fl-ajru hemm ċans kbir li jkollok uġigħ ta’ ras jew għajja kbira. Għal kull siegħa li tagħmel ittir trid minn tal-inqas tkun qed tixrob madwar tazza u nofs ilma.

Temperatura

Biex tkun tista’ tirregola t-temperature ta’ ġismek matul titjira prova ilbes ħwejjeġ f’saffi, biex tkun tista’ tneħħli saff jew tilbsu jekk tħoss il-bard jew sħana. Jekk tista’ neħħi ż-żarbun biex tevita nefħa fis-saqajn u ilbes par kalzetti li jżommulek saqajk sħan.

Ippjana għall-Irqad

Titjiriet matul il-lejl jew dawk twal ifisser li f’xi ħin ser jiġi n-ngħas u tħoss il-ħtieġa li torqod ftit. Tajjeb li forsi jkollok miegħek eye mask, earplugs u xi kutra jew imħadda. Ħafna linji tal-ajru, speċjalment f’titjiriet twal, normalment jipprovdu kutri u mħadded.

Żomm ir-rutina

Meta tkun qed ittir fit-tul ma tagħmilx ħażin jekk iżomm partijiet mir-rutina normali tiegħek. Affarijiet żgħar bħal taħsel snienek jekk ikun sebaħ jew ser torqod, tbaħbaħ ftit wiċċek, tneħħi l-makeup jew tapplika krema tal-wiċċ.

L-Ikel

L-ikel matul titjira jaf ikunu ftit sitwazzjoni li ma tistax tipprevedi. Ħafna drabi l-ikliet fl-ajru jkun fihom ħafna karboidrati u ftit proteini. Jekk int fuq dieta, għandek xi allerġija/intolleranza jew taħseb li ser ikollok bżonn tiekol spiss ħu ħsieb li tieħu miegħek ikel tajjeb għalik, snacks, frott eċċetra … speċjalment jekk għandek it-tfal miegħek!

Iċċaqlaq!

Fid-djuq tal-ajruplan huwa diffiċli li ssib opportunità li tiċċaqlaq, imma huwa importanti li tagħmel eżerċizzji ħfief speċjalment jekk ser ittir fit-tul u ser tpoġġi għal ħin twil ħafna. Ballun tat-tennis jista’ jgħin ħafna għall-massaġġi mad-dahar, u eżerċizzji tal-ġogi tal-idejn, saqajn u għonq huma ta’ benefiċċju. U jekk tista’ qum u imxi ftit kultant ħin imqar sal-banju u lura!

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com