9 raġunijiet għaliex id-dulliegħ huwa tajjeb għas-saħħa
Wasal iż-żmien li għand tal-ħaxix nibdew naraw id-dulliegħ! Dawk kollha li jħobbuh ikun ilhom mis-sajf ta’ qabel jistennew sakemm jerġa’ jiġi l-istaġun tiegħu, biex jieklu din il-frotta tant ħelwa u friska. Aktar kemm tkun imrammla, aktar tkun ħelwa! Iżda apparti t-togħma u l-freskezza ta’ din il-frotta, hemm marbutin magħha diversi benefiċċji għas-saħħa.
- Għandha ħafna nutrijenti u vitamini, fosthom il-vitamini A, B6 u Ċ.
- Għandha fiha doża kbira ta’ lycopene, li jgħidu li jnaqqas ir-riskju tal-kanċer, mard tal-qalb, u nuqqas fil-vista aktar kemm tikber.
- Iżżommok idratat għax hija 90% ilma.
- Tgħin fejn tidħol id-diġestjoni minħabba li fiha ħafna ilma u anke xi ftit fibra.
- Tista’ tgħinek tieħu aktar ħsieb tal-piż tiegħek, minflok tiekol xi gallettina meta tiffjakka, tieħu biċċa dulliegħa. Minbarra li timliek aktar, hija ovvjament aktar sana.
- Tista’ tgħinek tnaqqas u tikkontrolla l-infjammazzjoni fil-ġisem minħabba d-diversi antiossidanti, il-lycopene u l-Vitamina Ċ.
- Hija tajba wkoll għas-saħħa tal-ġilda hekk kif il-vitamini li fiha, isaħħu l-elastiċita tal-ġilda.
- Tgħinek meta jkollok uġiegħ fil-muskoli minħabba li fiha l-L-citrulline.
- Kemm il-qoxra tad-dulliegħa, kif ukoll iż-żerriegħa jistgħu jittieklu u għandhom ukoll diversi benefiċċji. Il-qoxra għandha livell ta’ fibra għolja u fiha wkoll inqas zokkor. Intant, iż-żerriegħa għandha fiha l-manjeżju li jgħin fejn tidħol l-enerġija, il-funzjoni tan-nervituri u r-regolarizzar tal-pressjoni.