Anke bejn il-kotba hemm il-pika…

 Anke bejn il-kotba hemm il-pika…

Xi wħud fostna jiftakru sitwazzjoni aħjar rigward varjetà ta’ ħwienet tal-kotba. Il-Belt kienu mfittxija sewwa ħwienet bħal Sapienza, Aquilina, Giovanni Muscat, Buġelli, Meli, u tal-Klabb. U dawn li niftakar jien.

Illum is-sitwazzjoni tbielet għax ftit fadal minn fejn tagħżel, għalkemm hawn għadd ta’ pubblikaturi lokali, flimkien mal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb u xi entitajiet oħrajn, li qed jagħmlu mill-aħjar biex iżommu l-ktieb Malti ħaj.

Nistaqsi: Inti wieħed jew waħda minn dawk li jiffrekwentaw il-ħwienet tal-kotba regolarment? Jekk iva, mela inti persuna minn dawk li għadhom iħobbu l-ktieb. Nistaqsi wkoll: Qatt innutajt li fuq l-ixkaffi anki l-kotba għandhom il-ġerarkija tagħhom? Jiġifieri hemm kotba ta’ ċerti kittieba jew djar tal-pubblikazzjoni li ssibhom dejjem jippużaw u jippuppaw fuq quddiem nett, bħal dawk il-persuni li f’folla jimbuttaw u jagħtu bil-minkeb biex ikunu dejjem fl-ewwel filliera u jiġu nnutati. L-għajta nofs il-bejgħ, jgħid il-Malti.

Imbagħad hemm dawk il-kotba miktubin minn awturi oħrajn li ma jintlemħux proprju għax dejjem ikunu mistoħbijin fuq wara nett. Ifakkruni f’dawk il-persuni li jew għax mistħija, jew għax umli, jibqgħu kwieti, jibżgħu li jaqilgħu l-inkwiet u b’hekk qatt ħadd ma jinnutahom. Jew inkella, dawk minnhom li jkunu kuraġġużi tant li jinsistu ftit u jsibu ruħhom fuq quddiem ma jdumux ħafna għax mill-ewwel isibu xi skamplu jerġa’ jagħtihom demotion u jitfagħhom fil-limbu. Konfoffa?

Issa… Jiddependi minna wkoll, il-qarrejja u x-xerrejja potenzjali, biex qabel ma nieħdu grazzja mal-qoxra jew isem ta’ xi ktieb minn dawk il-pampaluni ta’ quddiem, inkunu intelliġenti u avventurużi biżżejjed biex inqallbu ftit l-ixkaffi, noħorġu għad-dawl dak li hemm jistaħba wara u naraw l-għażla sħiħa li joffri dak il-ħanut partikolari.

Min xi darba għamel hekk jaf kemm sorpriżi jistgħu jaħbu l-fillieri ta’ wara, fosthom xi ktieb li ilu snin out of print, jew xi rumanz, ġabra ta’ poeżiji jew ktieb ta’ riċerka li meta tixtriehom u taqrahom tiskopri li tkun għamilt għażla tajba tassew.

F’kull ktieb hemm leħen, ilħna jew dinja x’niskopru. Nagħtu opportunità lill-kotba kollha.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com