Dak kollu li għandek tkun taf biex tipproteġi l-ġilda tiegħek dan is-sajf
Il-krema solari hija essenzjali sabiex tipproteġi l-ġilda tiegħek mir-raġġi tax-xemx (UV) li jistgħu jikkawżaw ħsara, jwasslu għal kanċer tal-ġilda u tikmix qabel iż-żmien. L-SPF, li jfisser sun protection factor, iqis kemm il-krema solari tipproteġi l-ġilda kontra r-raġġi UV. Id-dermatologi jirrakkomandaw l-użu ta’ krema solari b’SPF ogħli ta’ 30, li tibblokka madwar 97% tar-raġġi tax-xemx. Filwaqt li kremi solari ta’ SPF aktar għolja jagħtu ftit aktar protezzjoni mir-raġġi tax-xemx, l-ebda waħda minnhom ma tista’ toffri protezzjoni għall-100%.
Hemm żewġ tipi differenti ta’ kremi solari: dawk kimiċi u dawk minerali. Dawk kimiċi, bħall-avobenzone, jassorbu r-raġġi tax-xemx, filwaqt li dawk minerali, bħaż-zinc oxide, jibblukkawhom fiżikament. Iż-żewġ tipi huma effettivi, iżda l-kremi solari minerali joħolqu inqas irittazzjoni fil-ġilda.
Huwa importanti li nifhmu li l-krema solari għandna nużawha ta’ kuljum, anke fuq ġewwa! Dan hekk kif ir-raġġi UV jgħaddu mit-twieqi. Għandek tapplika l-krema solari madwar 15-il minuta qabel toħroġ barra u terġa’ tapplikaha kull sagħtejn, jew b’mod aktar frekwenti meta tkun qed tgħum jew tagħmel eżerċizzju fiżiku.
Apparti minn hekk, tajjeb li tkunu tafu li l-krema solari tiskadi wkoll! Tipikament, tibqa’ tajba għal madwar tliet snin. Ovvjament, qabel ma tuża l-krema dejjem iċċekkja d-data tal-iskadenza kif ukoll il-konsistenza tagħha. Jekk tinnota tibdil fil-kulur, fir-riħa jew fil-konsistenza, tużahiex. Importanti li l-krema solari tpoġġiha f’post ‘il bogħod mis-sħana u r-raġġi diretti tax-xemx sabiex iżżomm l-effettività tagħha.
Meta tiġi biex tagħżel l-aħjar krema solari għalik, għandek tikkunsidra t-tip ta’ ġilda li għandek, kif ukoll il-preferenzi tiegħek personali. Persuni b’ġilda sensittiva jibbenefikaw aktar meta jixtru kremi solari minerali, filwaqt li dawk li għandhom il-ġilda aktar skura jippreferu kremi solari kimiċi biex jevitaw li jkollhom saff ta’ krema bajda fuq il-ġilda. Kemm il-kremi, kif ukoll l-ispray jistgħu jkunu effettivi jekk tapplikahom bil-mod korrett. Ovvjament, meta tagħmel użu minn spray, trid toqgħod attent li ma tikkunsmahx man-nifs.
Għal dawk li jixtru kremi tal-ġilda li minnhom infishom fihom l-SPF, importanti li tkunu tafu li dawn ma jistgħux jieħdu post il-krema solari. Il-protezzjoni li joffru hija limitata.