Dan huwa l-aħjar mod kif iżżomm il-bżar tal-kulur frisk!
Il-bżar tal-kulur jista’ jidher perfett u anke jżomm għat-tul fil-fridge, iżda hemm riskju wkoll li jmur, speċjalment jekk ma tpoġġihx fil-post ideali. Allura kif tista’ taħżnu sabiex jibqa’ frisk.
Esperti jirrakkomandaw li wieħed ipoġġihom f’borża apposta għall-ikel, li tkun imtaqqba u li tingħalaq b’seal. Imbagħad, din għandha titpoġġa fil-kexxun apposta għall-ħaxix. Dan il-kexxun, jikkontrolla l-umdità li tinħoloq mill-kesħa tal-fridge. Taħthom għandek tpoġġi xi napkins sabiex jassorbu l-umdità.
Ovvjament, il-post ideali fejn iżżomm il-bżar tal-kulur huwa fil-fridge. Meta jinżammu f’post kiesaħ, wieħed jista’ jestendi l-ħajja tagħhom għal ġimgħatejn. Jekk huwa impossibbli li tpoġġihom fil-fridge, mela allura sibilhom post fejn ma jkunux esposti għas-sħana, idealment xi ftit frisk. Jekk tħallihom fuq il-bank tal-kċina, probabbilment ma jdumux tajbin aktar minn ħamest ijiem.
Huwa importanti wkoll li ma taħsilhomx sakemm mhux se ssajjarhom immedjatament. Dan hekk kif l-umdità li tiġi mill-ħasil tista’ twassal li dawn jimmuffaw qabel iż-żmien. Jekk taħsilhom qabel ma taħżinhom, ara li jkunu nixfu kompletament qabel ma tpoġġihom fil-borża.
Tinduna li l-bżar tal-kulur ikun se jibda jitħassar meta jibda jirtab u tibda tarah jiżviluppa bħal daqqiet kannella. Meta tarah hekk, xorta waħda tista’ tużah biex issajjar, ladarba tarmi l-parti bid-daqqiet.
Alternattiva oħra hija li tiffriżahom. Qabel ma tiffriżahom għandek tħasilhom, tnixxifhom, tqattagħhom u tneħħilhom il-parti interna. L-ewwel għandek tpoġġihom fuq karta u tiffriżahom hekk, imbagħad wara li tara li jkunu ffriżaw toħroġhom, tpoġġihom ġo borża flimkien u terġa’ tpoġġihom fil-friża. Meta tiffriża l-bżar aħmar, jista’ jibqa’ jservik sa sitt xhur minn meta tkun poġġejthom fil-friża.
Jekk il-bżar jibda jdellek, jinten jew jifforma daqqiet suwed, dan ifisser li qed jimmoffa. Aqbad armieh!