Dawn huma wħud mir-raġunijiet għall-ossessjoni tal-bnedmin bl-imħabba…
L-ossessjoni li għandhom il-bnedmin fejn tidħol l-imħabba huwa fenomenu b’diversi għeruq li ġejjin mill-bijoloġija, l-psikoloġija, il-kultura u l-ħajja soċjali. L-imħabba, kemm jekk dik romantika, fil-familja jew anke platonika, għandha rwol kruċjali fil-ħajja umana u tipprovdi kemm kuntentizza profonda kif ukoll ħafna drabi raġuni għall-eżistenza tal-bnedmin.
Ejja nibdew billi nħarsu lejn il-pedamenti bijoloġoċi. L-isforz li jagħmel il-bniedem biex iħobb u jkun maħbub imur lura għall-evoluzzjoni tagħna. L-imħabba tippromwovi konnessjoni, li hija essenzjali għas-sopravvivenza u l-kontinwazzjoni tal-ispeċi umana. L-imħabba romantika fid-diversi forom tagħha tista’ twassal sabiex tiprolifika l-umanità, kif ukoll is-sigurtà u l-iżvilupp tagħha.
Meta nħarsu lejn il-pedament psikoloġiku tal-imħabba, dan jgħidilna li l-imħabba tissodisfa l-bżonnijiet fundamentali umani. Skond il-psikologu Amerikan Abraham Maslow u l-piramida tal-bżonnijiet umani tant famuża li ħoloq hu, l-imħabba u s-sens ta’ appartenenza huma elementi kritiċi għall-evoluzzjoni umana. Meta l-bżonnijiet ta’ sigurtà u dawk fiżjoloġiċi jintlaħqu, l-individwu jipprova jistabbilixxi konnessjonijiet mal-oħrajn li għandhom sinjifikat importanti. L-imħabba vera tipprovdi support emozzjonali, tnaqqas l-istress u ġġiegħel lil dak li jkun iħossu tajjeb. Toffri wkoll sens ta’ identità u dak li jkun iħoss li għandu valur u hemm min jifhmu.
Fejn tidħol il-kultura, l-imħabba hija tema kritika li laqtet kull parti tal-istorja umana. Diversi opri kulturali, kemm jekk pitturi, kanzunetti, kotba u stejjer, ħafna drabi jippruvaw jitkellmu dwar l-importanza tal-imħabba u jpoġġuha propju fil-quċċata tal-esperjenza umana. Dawn l-espressjonijiet kulturali jwasslu sabiex jagħtu sinjifikat għall-aspettativi li għandna aħna fuq l-imħabba u jinkoraġġuna sabiex infittxuha u niċċelebrawha f’ħajjitna. Madanakollu, nafu wkoll li ġieli, fis-sbuħija tagħhom, forsi joħolqu wkoll verżjoni ta’ imħabba “ideali” li mhux dejjem faċli ssibha!
Fejn jidħol l-element soċjali, l-imħabba hija parti integrali mill-mod kif aħna niffurmaw u nsostnu r-relazzjonijiet tagħna. L-umani huma kreaturi soċjali li jibbażaw ħafna lilhom innifishom fuq il-konnesjonijiet li jirnexxielhom jagħmlu u l-komunità minn fejn ġejjin. L-imħabba toħloq konnesjonijiet li jibnu netwerk b’saħħitha u ta’ support – xi ħaġa essenzjali għas-saħħa emozzjonali u psikoloġika.
Allura, nistgħu ngħidu li l-ossessjoni tal-bniedem fejn tiħdol l-imħabba hija propju prodott tal-bijoloġija tagħna, l-bżonnijiet psikoloġiċi u influwenzi kulturali. Mhix biss esperjenza profonda u universali, iżda parti essenzjali mill-eżistenza tal-bnedmin u r-raġuni għaliex għadna neżistu propju sal-lum!