“Ġejja s-sħana!” Ara kif tevita mard relatat mas-sħana dan is-sajf
Ix-xemx qed tibda turina snienha u s-sħana qed tiżdied ftit ftit ta’ kuljum. Hekk kif mistenni jkollna sajf qalil, huwa importanti li nieħdu l-prekawzjonijiet kollha meħtieġa sabiex ma npoġġux lilna nfusna f’periklu ta’ mard relatat mas-sħana.
Is-sħana tista’ tikkawżalek reazzjonijiet estremi fil-ġisem jekk ma tieħux ħsieb tiegħek inniffsek sew, fosthom bugħawwieġ, raxx, eżawriment, u f’każi estremi, anke puplesija.
X’għandek tagħmel biex iżżomm lilek inniffsek frisk dan is-sajf?
- Ixrob ħafna ilma – ġorr flixkun ilma miegħek kull fejn tmur u ixrob b’mod frekwenti.
- Oqgħod ftit attent għall-kulur tal-urina. Jekk il-kulur huwa isfar skur, oranġjo jew kannella dan huwa sinjal ta’ deidrazzjoni.
- Uża l-fannijiet u investi f’fannijiet li tista’ ġġorr miegħek, kif ukoll xarrab wiċċek b’ilma frisk ta’ spiss.
- Poġġi biċċiet ta’ materjal imxarrab madwar il-polz, għonqok u l-għekiesi sabiex iżżomm it-temperatura tal-ġisem baxxa.
- Meta tista’, evita li toħroġ barra bejn l-10am u s-2pm.