Għadu kemm kellek tarbija? Ara kif għandek tuża breast pump
Meta tiġi biex tibdel il-metodu ta’ kif it-tarbija tixrob il-ħalib u taqleb mis-sider għall-flixkun jaf tkun sitwazzjoni xi ftit diffiċli. Dan speċjalment wara li tkun drajt tredda’ lit-tarbija. Minkejja li forsi hemm ftit x’titgħallem, speċjalment jekk sirt omm għall-ewwel darba, hemm diversi metodi li jistgħu jgħinuk f’dan.
Anke jekk din mhux l-ewwel darba li kellek tarbija, din il-gwida t’hawn taħt tista’ tgħinek issir taf aktar dwar il-breastfeeding u x’għandek tagħmel qabel, waqt u wara.
Kif tipprepara biex tuża breast pump?
Fil-bidu li tibda tagħmel il-breastfeeding jaf tiġi f’diffikultà tifhem liema pompa għandek bżonn, jekk hux se taqbad u tmur direttament għaliha jew tużaha ftit ‘l hemm u ‘l hawn. Iżda hemm xi affarijiet li tista’ tagħmel sabiex tara li l-esperjenza tiegħek mal-breastfeeding ma tkunx waħda negattiva.
- Tgħaġġilx – minkejja li forsi entużjasta biex tuża l-breastpump għandek tistenna biex tagħmel dan sakemm kemm inti, kif ukoll it-tarbija tiegħek tħossukom lesti li timxu għal dan il-pass. Jekk it-tarbija tiegħek tixrob dirett mis-sider mingħajr problemi, allura jaf m’hemmx għalfejn taqleb għall-pompa u l-flixkun mill-ewwel.
- Uża l-aħjar tagħmir – meta jkollok id-daqs ideali ta’ pumping bra u flange, li jkollok biċċa drapp apposta biex timsaħ it-taqtir u li forsi jkollok ukoll xi ikel, ktieb jew anke l-mowbajl viċin jaf jgħinuk tħossok aktar komda.
- L-iġjene – żewġ affarijiet importanti għall-breast pumping huwa li żżomm l-iġjene u lilek inniffsek nadifa. Ara li taħsel idejk bis-sapun u ilma sħun għal 15-il sekonda qabel ma tmiss it-tagħmir. Intant ara li l-pompa li se tuża, bħal dik tad-ditta Pippeta, tkun żarmajtha qabel ma ħsiltha u sterilizzajtha. Intant, il-partijiet differenti tagħha jistgħu jinħaslu wkoll fid-dishwasher. L-importanti li jitpoġġew fuq l-ixkaffa ta’ fuq. Il-partijiet tal-cup għandhom jiġu sterilizzati b’ilma kiesaħ, fil-microwave, bl-użu tal-fwar, UV u rolling boil. Ovvjament, il-mutur tal-pompa m’għandux jinħasel jew jiġi sterilizzat minħabba partijiet elettroniċi. Importanti li ssegwi l-istruzzjonijiet li jiġu mal-breast pump.
Kif għandek tuża l-breast pump?
- Sib pożizzjoni komda.
- Poġġi compress sħuna u mxarrba fuq is-sider biex iżżid iċ-ċirkolazzjoni, tiftaħ il-pori u tistimola l-ħruġ tal-ħalib. Wara mmassaġġja l-parti ta’ fuq tas-sider, dejjem nieżla lejn il-beżżula. Imbagħad għafas fuq sidrek u għamel massaġġi f’forma ta’ ċirku sabiex tidderieġi l-ħalib lejn il-beżżula.
- Għafas in-nipple shield fuq il-beżżula u ara li tpoġġi b’mod li tħossok komdu u li tħossha ingħalqet madwar il-beżżula. Meta tlesti, aqlagħha billi ddaħħal subgħajk bejn ix-shield u s-sider.
- Imbagħad ixgħel il-pompa. Ibda b’livell baxx u żid il-livell ftit ftit sakemm tibqa’ tħossok komda. Kull omm għandha esperjenza differenti. Jekk għandek pompa manwali, ipprova imita l-mod kif terda’ t-tarbija. Għandek iddum madwar 15 u 20 minuta massimu.
Kif nista’ ntejjeb l-esperjenza tiegħi?
Il-breast pumping tista’ tkun esperjenza li tgħajjik xi ftit. Madanakollu hemm ħafna affarijiet x’tista’ tagħmel biex ikollok esperjenza aktar faċli.
- Uża dawk li jgħidulhom warm compress – bħal drapp li ssaħħan u xxarrab sabiex jistimola l-ħruġ tal-ħalib.
- Uża double pump biex tistimola liż-żewġ naħat tas-sider fl-istess ħin u żżid l-ammont ta’ ħalib disponibbli.
- Stabbilixxi rutina konsistenti kuljum.
- Agħmel massaġġi fuq is-sider, kemm qabel kif ukoll wara l-breastfeeding jew pumping.
- Irrilassa u kun paċenzjuża. Dan mhux biss sors ta’ ikel għat-tarbija iżda ħin li fih tista’ tesperjenza mumenti aktar intimi u speċjali mat-tarbija tiegħek.
- Ara li dejjem tkun komda u qatt tissagrifika din il-kumdità tiegħek. Uża mħaded u support għad-dahar u esperimenta kif l-aħjar tpoġġi u toqgħod waqt il-breastfeeding jew breast pumping.
X’għandek tagħmel malli tlesti mill-breast pumping?
- Naddaf il-pompa u l-partijiet differenti kollha kif semmejna aktar kmieni.
- Poġġi l-ħalib fi flixkun jew borża apposta, nadifa u sterilizzata. Ikteb fuqhom id-data u l-ħin ta’ meta sar il-breast pumping u poġġihom fil-friġġ jew fil-friża.
- Ħu ħsieb tiegħek inniffsek billi tixrob ħafna ilma, tiekol dietà bilanċjata u torqod sew.