“Għajjejt naħdem sigħat żejda mhux imħallsa!”

 “Għajjejt naħdem sigħat żejda mhux imħallsa!”

Dan l-aħħar, li taħdem sigħat żejda bla ħlas jidher li saret parti mix-xogħol ta’ ħafna u ħafna nies. Infatti tara lil kulħadd dejjem għaddej, u ġeneralment, jekk titlaq mill-uffiċċju ma jfissirx li l-ġurnata tax-xogħol tiegħek waqfet. Ġieli tirċievi imejl tard bil-lejl, jew xi telefonata kmieni filgħoud, waqt li tkun għadek fis-sodda, tikkontempla kif spiċċajt f’din is-sitwazzjoni. Allura, kif dawn is-sigħat ta’ xogħol żejda, bla ħlas, spiċċaw parti mid-deskrizzjoni tax-xogħlijiet tagħna?

Din il-ħaġa narawha b’mod speċjali fejn tidħol id-dinja korporattiva, fejn bħal donnhom il-ħinijiet tax-xogħol normali ħafna drabi ma japplikawx. Tant li fil-kuntratt jiktbulek li l-paga tiegħek tkopri kemm is-sigħat bil-liġi, jiġifieri 40 siegħa f’każ ta’ full-timer, kif ukoll sigħat żejda skond l-eżiġenzi tan-negozju u r-responsabbiltà li l-irwol tiegħek iġib miegħu.

Ħafna drabi, jekk tkun it-tip ta’ persuna li toħroġ mill-uffiċju fil-ħin normali li suppost toħroġ, tirċievi ħars ikraħ u kummenti strambi għax “m’intix responsabbli” jew li “m’intix serju”. Ħafna drabi, anke jekk tkun tagħmel l-aktar xogħol eċċezzjonali fil-ħin normali tiegħek, tispiċċa tiġi skreditat għax ma tibqax taħdem wara l-ħin. Tant li jekk ikun hemm promozzjoni, jaħsbuha darbtejn jew tlieta jekk għandekx toħodha inti.

Infatti f’ħafna pajjiżi hemm din il-pressjoni li biex tikber fil-karriera tiegħek trid tagħmel iktar minn dak li normalment mitlub tagħmel. Mhux biżżejjed tkun innovattiv u effiċjenti f’xogħlok, iżda trid turi li inti lest li tagħmel dak kollu li mitlub tagħmel u aktar, sabiex in-negozju li taħdem għalih ikun ta’ suċċess. U idealment, tagħmel dan kollu mingħajr ma titlob xejn aktar mill-paga li ffirmajt għaliha fil-kuntratt.

Minkejja li qed titqajjem aktar kuxjenza fuq dan is-suġġett, il-bidla tibqa’ diffiċli. Ħafna negozji jibbażaw ruħhom fuq il-kontribut ta’ sigħat bla ħlas mill-ħaddiema tagħhom. Li wieħed iwaqqaf xi ħaġa li saret parti mill-kultura tad-dinja tax-xogħol hija diffiċli immens. Forsi leġiżlazzjonijiet robusti jistgħu jgħinu sabiex issir il-bidla neċessarja biex il-bniedem jibda jerġa’ jiġi trattat bħala bniedem. Iżda fl-aħħar mill-aħħar, irridu nbiddlu wkoll il-perspettiva tal-maniġers u kbarat fejn tidħol il-produttivita u li jkun hemm aktar rispett fejn jidħol bilanċ san bejn il-ħajja u x-xogħol.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com