“Għandi l-għarus overprotective wisq! X’se nagħmel?”
Meta persuna tkun overprotective, ġeneralment ikollha aġir forsi xi ftit estrem fejn jidħlu l-maħbubin. Ikunu jridu jistabbilixxu livell ta’ kontroll fuq il-persuna l-oħra. Hemm diversi modi kif persuna turi l-imħabba tagħha lejn ħaddieħor, madanakollu jekk ikun hemm livell għoli ta’ kontroll, wieħed jista’ jwasal sabiex minn imħabba tinbidel għal abbuż emozzjonali għax jibdew joħolqu limiti għall-persuna l-oħra li ħafna drabi ma jkunu raġjonevoli xejn.
X’inhuma s-sinjali li s-sieħeb jew sieħba tiegħek qed ikunu overprotective?
- Ma jafdawkx, tant li jkunu jridu jafu dwar kull dettall tal-ġurnata tiegħek, jimmonitoraw il-mowbajl tiegħek, jikkritikaw u jissuspettaw lil sħabek, u jaħsbu li m’intix kapaċi tiddeċiedi għalik inniffsek.
- Jippruvaw iqallbulek fil-mowbajl biex jaraw ma’ min qed titkellem u x’qed tagħmel onlajn meta ma tkunx preżenti.
- Kulħadd iħoss xi ftit għira ‘l hemm u ‘l hawn, iżda jekk kull darba li tkellem persuna oħra, is-sieħeb jew sieħba jakkużawkx li qed tifflirtja, mela dan huwa sinjal ieħor. Juri biss l-insikurezza ta’ dak li jkun.
- Jitrattawk bħal li kieku inti propjetà tagħhom.
- Jippruvaw jieħdu deċiżjonijiet għalik u jaħsbu li jafu aktar minnek dwar dak li għandek tiddeċiedi li tagħmel inti f’ħajtek. Iħossuhom intitolati għal kull mument ta’ ħajtek.
- Iġiegħeluk tħossok ħażin għax tkun trid tqatta’ ftit ħin ma’ sħabek.
- Iwaqqfuk milli tilbes dak li trid tilbes inti.
X’għandek tagħmel jekk is-sieħeb jew sieħba tiegħek huma overprotective?
- Ara li jkollok konverżazzjoni magħhom fuq dan is-suġġett.
- Ikkrea regoli għar-relazzjoni biex tikkontrolla aġir li jkun ġej mill-għira.
- Iżżommx lura milli tesprimi l-imħabba tiegħek.
- Introduċihom ma’ sħabek.
- Jekk tara li l-aġir tagħhom huwa wisq eżaġerat, tibżax ittemm ir-relazzjoni.