“Għax l-avveniment fuq barra, kulħadd jitħalla jpejjep f’wiċċek!”
Huma diversi dawk li jkunu ħerqana li joħorġu u jattendu għal xi avveniment bħal xi festival jew kunċert, iżda malli jaslu hemm jispiċċaw il-ħin kollu jippruvaw isibu post fejn ma jibilgħux id-duħħan tas-sigaretti.
Filwaqt li kulħadd għandu jkun liberu li jgħażel li jpejjep jew ma jpejjipx, taħsbu li għandhom jitpoġġew limiti fuq it-tipjip fuq barra waqt avvenimenti pubbliċi? It-tipjip hija xi ħaġa li wieħed jagħżel li jagħmel, iżda li sfortunatament meta wieħed ma jagħżilx li jpejjep, m’għandu l-ebda kontroll biex ma jiblax id-duħħan tas-sigaretti ta’ ħaddieħor waqt avvenimenti fuq barra.
Skond il-liġi Maltija, it-tipjip mhux permess f’postijiet pubbliċi fuq ġewwa, inkluż f’bars, kafetteriji, ristoranti, trasport pubbliku, ċinema, teatri, sptarijiet u skejjel, sakemm m’hemmx kmamar apposta għat-tipjip. Dan ifisser li wieħed għandu permess ipejjep biss fuq barra. Iżda taħsbu li avvenimenti li jsiru fuq barra u li jġibu mijiet jew eluf ta’ persuni f’post wieħed bħal xi kunċert, għandhom joħolqu regoli fejn jidħol it-tipjip? Huwa sew li persuni li ma jpejpux ikollhom joqgħodu jibilgħu r-riħa tas-sigaretti jew saħansitra jispiċċaw ikollhom jitilqu?
Importanti li nitgħallmu nieħdu pjaċir mingħajr ma ndejqu lil xulxin! Kulħadd għandu dritt igawdi avvenimenti fuq barra mingħajr inkwiet.