Għażilt fejn ser tmur dan is-sajf?

 Għażilt fejn ser tmur dan is-sajf?

Is-sajf magħna u hemm ħafna minnha li l-brejk tas-sajf ikunu qed jistennewh bħal manna mis-sema. Huma ħafna l-Maltin li jħallu l-vaganza ewlenija tas-sena għax-xhur sajfin. Jekk trid tieħu l-aħjar mill-vaganza tas-sajf, tajjeb li tippjana sewwa l-vjaġġ tiegħek. Ħafna drabi imma, l-għażla vasta tal-lum il-ġurnata mhux dejjem tagħmilielna faċli nagħżlu d-destinazzjoni tagħna.

Xi fatturi li għandek iżżomm f’moħħok qabel ma tagħżel il-holiday tiegħek?

Il-budget: Bla flus la tgħannaq u l-anqas tbus. Iktar ma jkollok budget, inqas għandek restrizzjonijiet. Madanakollu, illum hawn anke websites li jissuġġerulek vjaġġi li jkunu low-cost.

L-interessi tiegħek: Il-gosti jiggwidawk għal-liema vaganzi għandek tmur. Jekk int persuna li tħobb l-Istorja, żjara f’belt tagħmel iktar sens għalik.

Il-Kumpanija: Min ser ikun qed jakkumpanjk waqt il-vjaġġ huwa fattur ieħor li trid tikkunsidra. Vjaġġ ma’ sħabek mod, vjaġġ bit-tfal, mod ieħor. Ipprova imxi ma’ dak li tixtieq il-maġġoranza u mmodifika skont il-bżonnijiet tagħkom ilkoll.

Il-livell t’energija: Ċertu postijiet jirrikjedu iktar saħħa fiżika minn oħrajn. Jekk miegħek ser ikun hemm min għandu problemi ta’ mobbilità, qis li l-inħawi li żżuru huma aċċessibli.

Reċensjonijiet: Ir-reviews fuq siti virtwali jistgħu jkunulek siewja, aktar u aktar jekk ser iżżur xi post li ma jkunx destinazzjoni komuni. Suġġerimenti kostruttivi jistgħu jagħmlulek il-ħajja iktar faċli. Wara li tkun qist dawn il-fatturi, huwa importanti li tirristrinġi l-għażliet u tibni d-deċiżjoni finali fuq dawn il-punti.

Tingħalaqx – Anke jekk iffissat fuq xi destinazzjonijiet partikolari, żomm l-options tiegħek miftuħa. Ħafna drabi tista’ tiltaqa’ ma’ offerti tajbin u jista’ jkun li l-pajjiż li jkun qed jiġi rreklamat jak ikun ta’ alternattiva tajba.

Ibbukkja kif tiddeċiedi: Jekk ma tantx tista’ tikkommetti ruħek il-mument li tkun ħadt id-deċiżjoni, jaf jiddispjaċik wara. Jekk għandek flus biżżejjed biex tmur, aqbad u bbukkja għax jaf wara tagħli jekk tibqa’ titnikker.

Vjaġġa anke waħdek: Hemm min fil-verità jitwerwer għall-ħsieb li jivvjaġġa waħdu. Madanakollu iżda, jekk hemm post li int biss tixtieq iżżur, aqbad mur. Lura tkun tista’ ġġib miegħek esperjenzi li ma tinsiehom qatt.

U issa, iddeċidejt fejn?

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com