Ġieli t-tfal waqqgħulek wiċċek l-art?
It-tfal, speċjalment iż-żgħar huma innoċenti, u ħafna nies jiggustaw dak li jgħidu. Imma bħal ma jgħidu, it-tfal jikxfu l-għawwar, u ġieli jgħidu xi ħaġa li biha jimbarazzaw lill-ġenituri. Forsi ħafna jaħsbu illi la t-tfal qalu hekk, sinjal li jew xi ħadd qalilhom biex jgħiduha, jew semgħu lil xi ħadd jgħidha. Imma kultant dawn it-tfal qas temmen kemm jafu jkunu spontanji
Dawn huma biss ftit mis-sitwazzjonijiet illi tfal żgħar poġġew lill-ġenituri tagħhom f’sitwazzjoni imbarazzanti.
- Idoqq it-telefon jew il-qanpiena u xi tifla tgħid lil dak li jkun għax ġie jew ċempel issa meta issa konna se norqdu jew nieklu
- Festin tal-birthday ta’ xi ħadd, u t-tifel jiddeċiedi li jitfi x-xemgħet billi jonfħilhom hu
- Iddaħħal lit-tifla miegħek it-tojlit f’xi restorant u waqt li qed tinqeda int, it-tifla tiftaħlek il-bieb
- Jgħaddu kumment fuq ħwejjeġ jew stil ta’ xagħar ta’ xi ħadd
- Jgħaddu xi kumment dwar rigal li jkunu għadhom kemm irċevew
- Jgħidu lill-għalliema xi ħaġa li tkun ġrat fil-familja
- Joħorġulek l-affarijiet handbag quddiem in-nies. U ovvjament fil-handbag jaf ikollok affarijiet privati
- Jidħku b’xi ħadd li jkun waqa’
- Jippronunzjaw ħażin xi kelma b’tali mod li tġi tinfthiem xi ħaġa ħażina
- Jiddendlulek mal-ħwejjeġ b’tali mod li jġibuk qed tagħti wirja
Forsi huma sitwazzjonijiet li jġegħluna nitbissmu, sakemm ma jkunux it-tfal tagħna stess. Imma hemm modi kif tista’ tgħallimhom jevitaw dawn iċ-ċirkostanzi? Ġieli għaddejt minn xi ħaġa li ħassejt li uliedek waqqgħulek wiċċek l-art, u xtaqt tiżbranahom?
Jew ġieli użajt it-tfal biex wassalt messaġġ lil xi ħadd?