“Ħafna taqlib jista’ jqabbdek l-istress!” 5 modi kif tiżbarazza
Minn kxaxen bl-imbarazz u gwardarrobbi mimlijin ħwejjeġ, għal bankijiet tal-kċina mimlijin tagħmir differenti, it-taqlib fid-dar jiġi mingħajr ma tinduna. Filwaqt li forsi tħossok aħjar meta tmur tixtri ħwejjeġ jew tagħmir ġdid, meta tara l-affarijiet kollha akkumulati fid-dar tiegħek, jista’ jispiċċa jwassal sabiex tħossok miżerabbli eventwalment.
L-aħbar it-tajba hi li meta wieħed jiżbarazza d-dar tiegħu u jneħħi l-affarijiet li m’għandux bżonn aktar jew ma jużax, kapaċi jnaqqas il-livell ta’ stress li jħoss. Allura x’tista’ tagħmel biex tibda tneħħi l-imbarazz min-nofs fid-dar tiegħek?
- Innota ftit kif qed tħossok id-dar. Anke jekk għalik ma jidhirx li għandek l-imbarazz, jekk mhux jirnexxielek tirrilassa fil-kamra tas-sodda jew fis-salott, jaf wasal iż-żmien tipprova tneħħi ftit mill-affarijiet li tħoss li huma żejda madwarek.
- Sfida l-iskużi li ġġib lilek inniffsek biex tevita li tiżbarazza. Malli tinduna li wasal iż-żmien biex tneħħi xi ftit imbarazz tibda tisma’ lilek inniffsek tgħid “m’għandix biżżejjed ħin, riżorsi u abbiltà.” Prova kun kreattiv u sfida lilek inniffsek biex tiżbarazza.
- Ibda ftit ftit. Jekk qed tħoss li għandek ħafna x’tiżbarazza, mela ibda bil-parti li forsi trid tuża ta’ kuljum bħall-bank tal-kċina jew l-iskrivanija.
- Sib il-motivazzjoni. Nafu li tintefa’ tiżbarazza mhux xi ħaġa pjaċevoli, għalkemm hawn min ‘l hena tiegħu! Prova sib metodi li jgħinuk f’dan bħal forsi tisma’ l-mużika jew toħloq kompetizzjonijiet miegħek inniffsek.
- Iċċelebra r-riżultati! L-affarijiet li tiddeċiedi li m’għandekx bżonn aktar tista’ ttihom donazzjoni jew inkella tbigħhom.