Hawn ħafna kollezzjonijiet, kultant li ma tistenniex !
Li wieħed ikollu delizzju li jġemma’ ċertu affarijiet hi ħaġa komuni, mhux biss f’ Malta, imma madwar id-dinja kollha. Hawn kollezzjonijiet illi jiswew eluf ta’ Ewro u li ħafna nies ifittxu illi jixtru dik il-ħaġa illi tmur tajjeb mal-kollezzjoni tagħhom. Bolol, flus antiki, muniti ta’ żewġ Ewro, armi jew mapep. Dawn huma fost l-aktar popolari, imma hemm ċertu kollezzjonijiet illi mhux bilfors kulħadd hu konxju tagħhom.
Kont taf li hawn min iġemma’ :
Santi tal-mejtin– Minkejja li f’kull funeral ningħataw waħda, huma ftit minna illi verament inżommuha, ħlief jekk tkun ta’ xi ħadd veru qribna. Imma hawn nies li mhux biss iżommu kull waħda illi jingħataw fil-knisja, imma jfittxu li jkollhom ta’ nies illi lanqas ikunu jafuhom minn Adam. U iva, hawn min jorganizzahom wara xulxin, skont l-alfabet jew id-data li mietu
Programmi elettotorali u affarijiet simili- Ħafna drabi lanqas waqt kampanja elettorali ma nagħtu kashom, imma hawn min hu dilettant illi jżomm dawn il-programmi. Mhux qed ngħidu illi jaqrawhom, imma iżommuhom bħala kollezzjoni
Affarijiet relatati ma’ kumpaniji – Fliexken tal-Coca, laned tal-pepsi u ġugarelli li jingħataw lit-tfal minn kumpaniji tal-ikel huma fost l-affarijiet illi hawn min iġemma’ . Tgħidli issa x’valur fihom landa jew flixkun, imma għal min ikun kollezzjonist, kull ħaġa li m’għandux bħalha, fiha valur, akbar mill-flus
Stickers li jkunu mal-banana – Hawn ħafna min jikkollezzjona stickers, speċjalment relatati mal-isports. Imma kont taf illi hawn min ifaddal anki l-istickers illi jkun mwaħħla mal-banana? Qatt tajt każ illi banana jkollha sticker? Hawn min mhux biss jinduna, imma jagħmel differenza bejn banana u oħra. Apparti tal-banana, hawn min ifaddal ukoll it-tikketta li jkun hemm fuq il-fliexken ta’ l-ilma
Ħakkieka/ xkupilja ta’ snien– Forsi li jkollok ħakkieka biex tħokk dahrek hi aċċettabli, imma hawn min tant għandu ħakk illi jagħżel illi jagħmel kollezzjoni ta’ dan l-oġġett. Titħajjar tfaddalhom? Hekk żgur qatt ma tinqabad mingħajr waħda. U bilħaqq, kulħadd għandu xkupilja biex jaħsel snienu ( nittama), imma titħajjar iġġemma’ dawn l-ixkupilji?
Hawn ħafna affarijiet oħra. Biżżejjed insemmu bras, karti tal-logħob, sinjali tat-traffiku u saħansitra tabelli ta’ Do not disturb.
Int jew xi ħadd li taf iġemma’ xi ħaġa stramba? Għidilna x’inhu, u tteggja lil min taf