Ħu ħsieb għax jaf tingidem
Il-kumpanija li ħolqot il-programm NordPass sawret lista tal-iktar passwords komuni li jeżistu. Jekk tiegħek hija l-istess jew qrib, qed tirriskja li jidħlulek fl-għalqa u għandek bżonn tibdilha!
NordPass huwa programm li jgħinek taħżen il-passwords u t-tagħrif kunfidenzjali b’mod sigur.
B’xorti ħażina, ħafna nies jispiċċaw jagħżlu sekwenza ta’ ittri jew numri msejsin fuq kliem jew numri komuni. Ngħidu aħna: in-numru tal-mobile jew tat-telefon; xi tim tal-futbol; ismijiet ta’ bliet; u affarijiet tal-ikel. Fi żmien fejn suppost in-nies jużaw is-sens komun, għadek issib min juża l-kelma ‘password’ stess.
Il-kumpanija rat li l-passwords qed ikunu dgħajfin u n-nies mhux ikunu dixxiplinati. Din tiġi stedina rħisa għall-hackers biex jattakkaw. In-nies iridu jkunu konxji li, ladarba ħafna iktar servizzi saru diġitali, ir-riskju ta’ attakk jikber.
Hawnhekk hawn għaxar punti li tista’ ssegwi biex tiżgura lilek innifsek online:
- Oħloq password unika għal kull kont online li tagħmel.
- Il-passwords iridu jkunu milli inqas tnax-il karattru twal.
- Kull passwords irid ikollha taħlita ta’ numri, ittri kapitali u żgħar u simboli
- Is-sekwenza tal-ittri ma tridx tkun xi ħaġa ovvja marbuta miegħek.
- Fejn possibbli, uża two-factor authentication, sistema li titlob mezz ieħor, barra l-password, biex taċċessa xi ħaġa online: pereżempju tuża kodiċi li tirċievi b’SMS.
- Ibdel il-passwords regolarment, idealment kull sitt xhur.
- Tagħtix il-passwords jew kodiċi lil xi ħadd, għall-ebda raġuni.
- Evita li tħalli passwords fuq karta għax faċli titlifha u tinduna tard wisq.
- Uża password generator li jgħinek toħloq passwords ta’ serħan il-moħħ.
- Jekk titħasseb fuq is-sigurtà ta’ xi kont jew profil, ibdel il-password minnufih.