Il-ġmiel u l-istorja tal-Gudja…kont tafhom dawn?
Il-Gudja… villaġġ karatteristiku Malti, viċin l-ajruport, bi storja li tmur lura kważi sitt mitt sena! Il-villaġġ beda bil-bini tal-Kappella ta’ Bir Miftuħ, waħda mill-ewwel 12-il parroċċi fil-gżejjer Maltin.
Il-Knisja Parrokkjali tal-Gudja hija ddedikata lil Santa Marija, jiġifieri l-Gudja huwa wieħed fost seba’ villaġġi fil-gżejjer Maltin li jiċċelebra l-festa propju fil-15 ta’ Awwissu. Il-knisja hija waħda unika għax għandha tliet kampnari. Apparti minn hekk, fil-knisja wieħed isib diversi opri t’arti li jmorru lura għat-tmiem tas-snin 1800, kif ukoll l-eqdem statwa fil-gżejjer Maltin, l-istatwa ta’ Marija Assunta li kien għamilha l-iskultur Malti Vincenzo Dimech.
Apparti l-Kappella ta’ Bir Miftuħ u l-Knisja Arċipretali u Arċimatriċi Santa Marija, il-Gudja mhix nieqsa minn kappelli u knejjes li ta’ min iżurhom. Fosthom se ssib ukoll il-Kappella ta’ Santa Katerina, l-Knisja ta’ Loreto u l-Knisja tal-Lunzjata.
Apparti d-diversi knejjes u kappelli li se tiltaqa’ magħhom fil-Gudja, wieħed jista’ wkoll igawdi l-villaġġ ibda mit-toroq dojoq qalb il-kampanja bħal Sqaq Ħabel Wati u Triq Victor Pasmore, u l-binjiet storiċi mifruxin miegħu. Fosthom, il-Palazz spettakolari li jgħidulu l-Palazz ta’ Bettina. Hawn jingħad li kien għex Napuljun fiż-żmien meta Malta kienet taħt il-Franċiżi. Tista’ wkoll iżżur ix-xelters li jinsabu taħt it-toroq tal-Gudja u tagħti titwila lit-torri meraviljuż bl-isem ta’ Torri Dorell.
Jekk tħobb taqra, għaddi sat-telephone box li ġiet trasformata f’librerija ċkejkna fejn tista’ tieħu ktieb u tħalli ieħor! Inizjattiva ħelwa li tkompli tinkoraġġixxi lit-tfal u lill-adulti sabiex iżidu ftit qari ta’ kuljum fil-ħajja tagħhom.
Insomma, villaġġ li mhux magħruf bħala dak turistiku, imma żgur li jekk iżżuru se jsaħħrek bil-karattru Malti tiegħu.
Wasal iż-żmien li żżur il-Gudja! Meta sejjer s’hemm?