Insejtuhom minħabba Jum l-Omm?

 Insejtuhom minħabba Jum l-Omm?

Din is-sena, Jum l-Omm ġie fit-12 ta’ Mejju, li jaħbat ukoll il-Jum Internazzjonali tal-Infermiera.

It-12 ta’ Mejju sar magħruf bħala l-Jum Internazzjonali tal-Infermiera fuq inizjattiva tal-Kunsill Internazzjonali tal-Infermiera fl-1974. Dan il-jum jaħbat għeluq snin Florence Nightingale (1820 – 1910), meqjusa bħala l-fundatriċi tal-professjoni tal-infermiera kif nafuha llum.

X’jagħmel infermiera tajbin?

Hawnhekk hawn ħames punti kruċjali għal tant infermiera madwar id-dinja li jaħdmu b’dedikazzjoni u professjonalità:

· L-empatija u l-mogħdrija biex jieħdu ħsieb il-pazjenti u jifhmu t-tbatija u l-biża’ tagħhom.

· Il-ħila li jikkomunikaw tajjeb mal-pazjenti, il-familji tagħhom u l-professjonisti. Ma’ din hemm ukoll il-kapaċità li jisimgħu.

· Jieħdu ħsieb l-iċken dettalji biex iħarsu l-kundizzjoni tal-pażjent, jagħtu l-mediċina kif u kemm suppost u jamministraw il-kura meħtieġa.

· Reżiljenza emozzjonali biex iżommu l-kalma u jkunu għajn ta’ kuraġġ u sors ta’ għajnuna f’mumenti diffiċli jew stressanti.

· Il-bżonn li jaħsbu b’mod kritiku u kreattiv biex jevalwaw is-sitwazzjonijiet, jipprijoritizzaw ix-xogħol u jieħdu deċiżjonijiet tajbin.

Kif inbidel ix-xogħol tal-infermiera?

Minkejja li bdew b’vokazzjoni, b’taħriġ imsejjes fuq l-apprentistat, illum l-infermiera huma professjonisti liċenzjati bi preparazzjoni akkademika formali. F’bosta postijiet madwar id-dinja, l-infermiera jeħtieġu kors universitarju f’livell ta’ Baċellerat. Bosta jkomplu jispeċjalizzaw b’Masters u saħansitra Dottorat.

Apparti hekk, l-infermiera jattendu taħriġ regolari biex jibqgħu aġġornati mal-aħħar standards u teknoloġiji disponibbli għal mal-pazjenti u x-xogħol amministrattiv.

L-infermiera m’għadhomx iduru mas-sodod fl-isptarijiet biss. Illum il-ġurnata jkunu involuti l-istess bħal professjonisti oħrajn, bħal tobba, spiżjara u social workers, biex il-pazjenti jingħataw l-aħjar servizz u kura kullimkien. Uħud saħansitra jduru l-komunitajiet tagħhom biex jedukaw u jgħinu lin-nies ikunu proattivi u jieħdu ħsieb saħħithom aħjar.

Minn qalbna nsellmu u nroddu ħajr lill-infermiera kollha, l-iktar li jaħdmu lokalment, li jaħdmu b’tant ħeġġa u professjonalità!

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com