Int għadek tixtri mill-ħwienet tal-lokal, bħal tal-merċa?
Dan l-aħħar ħlief supermarkits u ħwienet ta’ konvenjenza m’għadekx issib. Sfortunatament, il-ħwienet tal-lokal, dak li konna nafuh “tal-merċa” ma tantx għadek issibu. U f’ċertu lokalitajiet anqas minn oħrajn. Tradizzjonalment, ħanut tal-merċa kull ma kien ikollu huma affarijiet żgħar għal lum il-ġurnata, bħal butir, żejt, zokkor u ħalib. Issa ħanut sar ikollu dawn kollha, kif ukoll ikel friżat, pakketti tal-ħelu, ikel tal-friġġ, bottijiet tal-ħasil, fost oħrajn.
Apparti minn hekk, dan it-tip ta’ ħanut kien iġib affarijiet oħra li jaf konna nieħduhom for granted, kif ngħidu bl-Ingliż, affarijiet li forsi nħossuhom ovvji.
∙Kienet possibilità kbira li tara ġirien jew nies mill-akwati żgur.
∙Diskursata fuq kwalinkwe suġġett ma jonqosx!
∙It-tagħlim informali. Il-konverżazzjonijiet li tisma’ f’dawn il-ħwienet ma jispiċċaw qatt; daqqa fuq il-festa, fuq l-istorja, fuq l-ambjent, fuq il-kunsill, fuq it-tombla, x’qegħdin jagħmlu f’dak il-grupp jew x’inhu għaddej minn ħajtek. Kull suġġett fih tagħlima jgħidu.
∙L-element ta’ komunità jispikka wkoll. Ix-xiri lokali jrawwem sens ta’ komunità u jsaħħaħ ir-relazzjonijiet bejn il-konsumaturi kif ukoll dawk in-negozjanti. Kull ħanut tal-merċa li żżur tisma’ kummenti bħal; “Kif inhi dik il-persuna, “Ħa mmur nara għandix bżonn xi ħaġa” jew “Kemm ili ma naraha”
Apparti minn hekk, ma ninsux kemm hu ta’ benefiċċju li nixtru mil-lokal tagħna!
∙Ix-xiri mil-lokal jgħin biex jistimula l-ekonomija ta’ dik il-lokal, kif ukoll joħloq impjiegi differenti.
∙Ma ninsux is-sostenibbiltà ambjentali fejn il-prodotti lokali spiss ikollhom carbon footprint anqas.
∙Il-prodotti ikunu aktar friski.
Hekk kif tkellimna ftit fuq il-ħwienet tal-merċa, il-lokalità tiegħek baqgħalha minnhom? U kif tħossok li l-ħwienet ta’ konvenjenza qegħdin jieħdu posthom?