Ipprova din l-insalata tal-patata li tagħmel il-kantanta Dolly Parton
Il-kantanta Dolly Parton hija magħrufa għal ħafna kanzunetti ta’ fama internazzjonali bħal Coat of Many Colours u Jolene. Iżda kont taf li Dolly Parton tħobb ħafna ssajjar u tesperimenta b’riċetti differenti? Fost ir-riċetti tagħha hemm dik tal-insalata tal-patata. Hawn taħt se ngħidulkom kif tagħmluha!
- Ibda billi tgħalli erba’ patatiet ta’ daqs medju f’borma, bl-ilma u ftit melħ.
- Malli l-patata tirtab, neħħilha l-ilma u ħalli l-patata tiksaħ.
- Qatta’ l-patata kaxxi kaxxi u waddab ftit bżar u melħ skond il-gosti tiegħek.
- Imbagħad żid magħhom: basal nej imqatta’ biċċiet żgħar, kif ukoll bżar aħdar imqatta’ żgħir, karfus idealment frisk, qatta’ ftit ħjar immellaħ u erba’ bajdiet iebsa.
- Żid ukoll tliet mgħaref majoneż u kuċċarina mustarda.
- Imbagħad ħawwad kollox flimkien.
- Propju fl-aħħar, qatta’ ftit żebbuġ spanjol u roxxu fuq l-insalata tal-patata.
Dolly Parton tgħid li l-aħjar mod li sservi din it-tip ta’ insalata tal-patata huwa li tkun kiesħa.
X’taħseb, se tipprova tagħmilha hekk jew se żżomm mar-riċetta li diġà mdorri tagħmel?