Is-siġar jistgħu jgħinuna nikkontrollaw is-sħana…kieku ma tneħħewx nofshom!

 Is-siġar jistgħu jgħinuna nikkontrollaw is-sħana…kieku ma tneħħewx nofshom!

Is-siġar f’postijiet urbani bħal Malta huma parti essenzjali fejn tidħol il-kontroll tas-sħana. Partikolarment bis-sħana li qed tagħmel issa u li hija prevvista għal dan is-sajf, wieħed jibda jgħid, kieku kkonservajna s-siġar tagħna b’mod aktar responsabbli setgħu jgħinuna f’perjodi bħal dawn?

  • Is-siġar jipprovdu d-dell

Jekk inti wieħed minn dawk li tfittex id-dell tas-siġar fi ġranet sħan, mela diġà tifhem x’inhi l-importanza ta’ spazji ħodor urbani. Is-siġar u l-veġetazzjoni jgħinu sabiex titnaqqas it-temperatura kemm tal-art kif ukoll tal-arja billi jipprovdu d-dell. Infatti jingħad li postijiet li huma fid-dell jistgħu jkunu mal-4 gradi celcius inqas minn dawk esposti kompletament għax-xemx.

Fl-istaġuni l-aktar sajfin, il-weraq u l-friegħi tas-siġar jippermettu li tgħaddi biss bejn 10-30% tar-radjazzjoni solari. Il-bqija tal-enerġija solari jassorbuha l-weraq permezz tal-fotositenżi, jew inkella jiġu riflessi lura fl-atmosfera. Dan ifisser li s-siġar għandhom jitpoġġew f’postijiet strateġiċi, madwar bini jew bankini.

  • Is-siġar jgħinu f’dak li jgħidulu evapotraspirazzjoni

L-evapotraspirazzjoni huwa l-proċess li l-umdità tiġi trażmessa mill-art għall-atmosfera permezz tal-evaporazzjoni. Is-siġar u l-pjanti jagħmlu dan billi jassorbu l-ilma bl-għeruq u jirilaxxawha permezz tal-weraq tagħhom meta jintlaqtu mir-raġġi solari. Is-siġar jirilaxxaw l-ilma wkoll kemm miz-zokk kif ukoll mill-ħamrija. Dan jgħin sabiex titnaqqas is-sħana fil-viċinanzi.

  • Inaqqsu l-użu tal-enerġija ta’ djar fil-viċinanzi

Skond studji li saru fl-Amerka, meta wieħed ipoġġi siġar b’mod strateġiku viċin tad-djar, id-djar inaqqsu l-ispejjeż relatati mal-enerġija b’25%. Minħabba li s-siġar jassorbu s-sħana bil-modi li diġà tkellimna dwarhom, meta jitpoġġew viċin tad-djar u joffru dell fejn hemm it-twieqi u l-bjut, allura jgħinu sabiex tkun ikkontrollata aħjar it-temperatura u jnaqqsu l-bżonn li wieħed juża l-arja kkundizzjonata fit-tul.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com