Isostnu li Malta hija darhom – Migranti f’laqgħa fil-Kurja tal-Arċisqof

 Isostnu li Malta hija darhom – Migranti f’laqgħa fil-Kurja tal-Arċisqof

Diversi migranti mis-Saħara t’Isfel u mill‑Afrika tal‑Punent kif ukoll mill‑Asja t’Isfel u tax‑Xlokk li nġabru fil‑Kurja tal‑Arċisqof fil‑Furjana, irringrazzjaw lill‑Arċisqof talli laqagħhom bħala missier, filwaqt li rrikonoxxew ir‑rwol tal‑Knisja bħala difensur tad‑dinjità tal‑ħaddiema. Din il-laqgħa saret fit-30 ta’ April li għadda lejlet il-festa ta’ San Ġużepp Ħaddiem.

Spjegaw kif iż-żieda sostanzjali fil‑kiri tal‑propjetà kif ukoll l‑emozzjonijiet ta’ ferħ imma fl‑istess ħin ta’ ansjetà li jħossu mindu ġew jgħixu f’Malta taffettwaħhom ħafna.

Waqt il‑laqgħa li kienet organizzata mill‑Kummissjoni Migranti b’kollaborazzjoni mal‑Kummissjoni Ġustizzja u Paċi, il‑migranti qasmu l‑ferħ u t‑tamiet, id‑diqa u l‑ansjetajiet tagħhom dwar ħajjithom u xogħolhom f’Malta kif ukoll semmew x’wassalhom biex jemigraw lejn Malta.

Huma sostnew li Malta saret darhom u jħossu sens ta’ appartenenza lejha u qalu wkoll li huma grati għall‑ħbiberiji sinifikanti li għandhom mal‑Maltin. Għalihom il‑gżira hi sigura u toffrilhom protezzjoni u bosta opportunitajiet. Huma qasmu wkoll it‑tħassib tagħhom dwar l‑abbuż u l‑isfruttament li jiltaqgħu miegħu fuq il‑post tax‑xogħol, il‑keded li jieħdu biex jingħataw kuntratti tax‑xogħol, kif ukoll esperjenzi ta’ ksenofobija u dewmien burokratiku.

Tkellmu dwar esperjenzi ta’ tbatija kbira meta jiffaċċjaw proċeduri ta’ ażil, jew meta jippruvaw jiksbu jew iġeddu l‑permess uniku ta’ xogħol (single work permit). Sfida kbira li tkellmu fuqha kienet iż‑żieda qawwija fil‑kiri tal‑propjetà tul dawn l‑aħħar snin.

Il‑migranti tefgħu dawl ukoll fuq tfal imwielda Malta sabiex dawn jingħataw stabbiltà u sigurtà. Semmew ukoll il‑ħtieġa ta’ mezzi trasparenti biex jinkisbu permessi ta’ residenza u ċittadinanza fit‑tul.

L‑Arċisqof Charles Scicluna għamel enfasi fuq l‑importanza tad‑dinjità umana u qal li din għandha tiġi onorata fl‑oqsma kollha tal‑ħajja: “Jeħtieġ li nisimgħu lil xulxin u rridu nkunu kapaċi nagħtu tama lil kull wieħed u waħda minna.”

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com