Ix-xogħol ta’ kostruzzjoni għandu jitħalla jsir fi tmiem il-ġimgħa?
Kull triq li tgħaddi minnha sirt tara minn tal-inqas sit ta’ kostruzzjoni wieħed. Toqgħod fejn toqgħod, f’diversi punti tas-sena se tispiċċa tisma’ taħbit, tkissir u skavar. Storbju li ħafna drabi lanqas iħallik taħseb u tirraġuna.
Wieħed jifhem li ladarba ħareġ il-permess, mela x-xogħol se jkollu jsir. Madanakollu, ix-xogħol ta’ skavar għandu jitħalla jsir fi tmiem il-ġimgħa?
Wara ġimgħa sħiħa tqum kmieni biex tmur għax-xogħol mad-daqq tal-iżveljarin, l-aħħar ħaġa li tkun trid hija li s-Sibt iqajmuk kmieni kmieni bit-tisbit u tkissir.
Skond il-liġi, il-ħin permissibli sabiex isiru xogħlijiet li joħolqu ħsejjes li jistgħu jinstemgħu minn barra s-sit m’għandhomx jibdew qabel is-7am u għandhom jieqfu fit-8pm. Intant, xogħol ta’ skavar b’martell idrawliku jew drill pnewmatiku ma jistax isir qabel is-7:30am u wara l-4pm ta’ kuljum. L-ebda tip ta’ xogħol li jikkawża storbju mhu permess isir fil-Ħdud u l-festi pubbliċi.
Intom taqblu ma’ dawn il-ħinijiet jew taħsbu li għandhom isiru xi tibdiliet fil-liġi biex ix-xogħol ma jitħalliex jibda daqshekk kmieni? Għidulna fil-kummenti.