Iż-Żejt taż-Żebbuġa … għal wiċċek!
Id-dieta Mediterranja tista’ tgħid hi msejsa fuq ħafna riċetti li jużaw iż-żejt taż-żebbuġ bħala ingredjent importanti. U bir-raġun! Għax mhux talli huwa bnin u tajjeb għas-saħħa meta użat b’moderazzjoni imma jagħti dik it-togħma tajba lil ħafna platti li aħna l-Mediterranji mmutu għalihom.
Biss, dan il-likwidu prezzjuż jista’ jintuża għal diversi affarijiet oħra, fosthom il-wiċċ! Din hi tradizzjoni antika ħafna li diversi ċivilizazzjonijiet antiki kienu jipprattikaw u li qed nerġgħu niskopru issa.
Imma għaliex jagħmel tajjeb dan it-tip ta’ żejt fuq il-wiċċ? Ibda biex, iż-żejt taż-żebbuġ fih ħafna vitamini, jiġġieled il-batteri tal-ponot u jżomm il-ġilda idrata. Fil-verità diġà nużaw ħafna prodotti bħal sapun li jkun fih elementi taż-żejt taż-żebbuġ. Biss, meta tapplikah direttament jista’ jkollu effetti aħjar.
Tajjeb li wieħed iżomm f’moħħu, però, li mhux kull tip ta’ ġilda tiflaħ għalih u jista’ jikkawża iktar ħsara. Infatti mhux rakkomandat li jintuża fuq it-trabi u tfal żgħar ħafna jew min għandu ġilda sensittiva jew żejtnija ħafna.U anki meta jintuża b’mod regolari huwa importanti li wara li jiġi applikat b’tissue jitneħħa dak li hu żejjed.
Użu mhux tas-soltu ieħor
Apparti minn mod biex iżomm wiċċek iktar artab, però, hemm ħafna iktar mumenti fejn xi qatra jew tnejn taż-żejt taż-żebbuġa jistgħu jgħinuk! Kont taf li ftit żejt jgħin biex tillostra l-istainless steel? Jew tajjeb biex tħoll żipp li jkun weħel? Infatti hemm ħafna okkażżjonijiet fil-ħin tagħna d-dar fejn iż-żejt taż-żebbuġ jista’ jgħin f’mumenti domestiċi ta’ kuljum. Ftit qatriet tajbin biex tnaddaf it-trab minn fuq l-għamara, tneħħi stickers li jkunu weħlu u m’hemmx li jiċċaqalqu kif ukoll huwa rimedju tajjeb biex tneħħi ż-żebgħa mix-xagħar!
Fl-aħħar mill-aħħar, iż-żejt taż-żebbuġ ilu parti integrali mill-ħajja tagħna, speċjalment aħna n-nies tal-Mediterran għal sekli sħaħ u ma tantx jidher li din hi prattika li ser tisparixxi. Allura, speċjalment jekk tħobb tgħix ħajja iktar naturali u organika, ara li fil-bank tal-kċina dejjem ikollok flixkun żejt taż-żebbuġ tajjeb. Mhux biex tħawwar il-platti tal-ikel biss, imma għal wiċċek u l-bqija ta’ darek ukoll!