Jaf rajtu u rmejtu għax ħsibtu ħażin
Jista’ jkun li tiftħu pakkett bacon u taraw parti minnu jleqq b’kuluri li jkanġu bejn l-aħdar u l-blu. Taħsbuh li huwa ħażin u tarmuh. Ma nlumkomx li tibżgħu għax ħadd ma jrid jimrad minħabba l-ikel!
Biss, jista’ jkun li jleqq b’dawk il-kuluri minħabba r-reazzjoni tal-kimiċi li jintużaw biex isir il-bacon u jinħażen fil-pakkett u kimika fil-ġilda tal-majjal, li jgħidulha myoglobin. F’dan il-każ aktarx li ma jkunx ħażin.
Ngħidu kollox, jekk il-bacon jinxtamm jinten, jinbidillu l-kulur b’mod drastiku u jinħass idellek, allura dak ma jkunx tajjeb għall-ikel. Sinjal ieħor ta’ tħassib huwa meta l- pakkett ikun minfuħ jew imqatta’. Il-laħam tal-bacon għandu jkun roża fl-aħmar; jekk dan sar griż, kannella jew ħdar, allura hemm problema. Jekk il-bacon jinxtamm jinten, sinjal li tħassar; suppost ikollu riħa tfuħ u aromatika.
F’każijiet bħal dawn t’hawn fuq, għandu jiġi evitat ir-riskju u jintrema. Li titma ikel ħażin bħal dan lill-annimali ‘biex ma jinħeliex’ hija ħrafa; dak li jagħmel id-deni lilek, jagħmel id-deni lilhom, avolja s-sistema diġestiva tagħhom hija differenti!
Meta tiftaħ pakkett bacon, għandek tikkunsmah malajr, sa massimu ta’ ġimagħtejn u, sadattant, żommu kiesaħ fil-friġġ. Meta tiffriżah, kapaċi jibqa’ tajjeb sa sitt xhur, imma dejjem aħjar tużah qabel.