“Jien qatt ma missejt qatra alkoħol ma’ ħalqi”…Ara l-VIP Date ġdida
Wasal episodju ieħor ta’ VIP Date magħna ta’ Stradarjali fejn laqqajna lill-kantant rebbieħa tal-aħħar edizzjoni ta’ Mużika Mużika, Maxine Pace u lill-preżentatur magħruf lokali John Bundy.
Huma ltaqgħu għand Da Mattia fil-Belt Valletta fejn kielu varjetà ta’ ikel filwaqt li raw sensiela ta’ ritratti li ggwidaw il-konverżazzjoni tagħhom sabiex isiru jafu aktar lil xulxin u l-esperjenzi ta’ ħajjithom.
Starter: Duck Couchette u Fresh Cozze
Id-diskussjoni taż-żewġ personalitajiet Maltin kienet iddominata mill-imħabba tagħhom għall-mużika. Maxine irrakkuntat l-esperjenza tagħha f’Mużika Mużika. Qalet li ma stennietx li se tirbaħ għax għall-bidu kienet ftit xettika minħabba li qatt ma kienet kantat bil-Malti. Madanakollu, malli Emil Calleja Bayliss u Cyprian Cassar semmgħulha l-kanzunetta, mill-ewwel għoġbitha.
Tkellmu wkoll dwar l-ikel u l-akoħol. L-aktar ħaġa stramba li kiel John Bundy kien kokroċ, filwaqt li l-aktar ħaġa stramba li kielet Maxine hija l-ħamiema. Fejn jidħol l-alkoħol, John Bundy qal li qatt ma daqu. Spjega li m’għandux spejagazzjoni għaliha, speċjalment għax ġej minn familja fejn kulħadd jixrob l-akoħol.
Main: Ribeye u Pasta Guancale
Fejn jidħol is-suġġett tal-annimali, Maxine irrakkuntat kif hi kienet tibża’ mill-annimali, il-familja tagħha kienet kollha hekk. Iżda darba ddeċidew li jġibu kelb u minn hemm bdew jitgħallmu jkunu mal-annimali. Illum il-ġurnata għandhom żewġt iklieb. Min-naħa tiegħu, John Bundy kellu boxer li kien jismu Buddy, wara li miet, kienu ġabu qattusa persian. Din mietet propju fil-Milied li għadda u minn hemm ‘il quddiem qal li ma jridx iġib aktar annimali. Qal li qalbu verament kienet maqsuma minħabba li tilef il-qattusa għax sostna li kienet propju l-akbar ħabiba tiegħu.
Deżerta: Lemon Cheesecake
John irrakkonta wkoll kif beda joħroġ mal-mara tiegħu wara mħatra. Kien fi grupp ta’ ħamest iħbieb li kollha kien jisimhom John. Huma kienu jkunu ħafna fil-ħanut ta’ Mario Morales f’Raħal Ġdid. Dan kien bieb ma’ bieb mal-ispiżerija li kienet taħdem fiha l-mara tiegħu. Hu kien għamel imħatra ma’ sħabu li jekk isaqsiha biex toħroġ miegħu din kienet taċċetta. Mhux talli aċċettat, talli John akkwista wkoll LM40 mingħand sħabu talli rebaħ l-imħatra.
Intom lil min tixtiequ li nistiednu bħala parteċipant tal-VIP date li jmiss? Għidulna fil-kummenti! Intant, jekk inti sid ta’ restorant u tixtieq tospita wieħed mill-episodji li jmiss, ikkuntattjana fuq [email protected].