“Jiena mhux se nikkuntenta ruħi qabel insib ‘the one’!”
Hekk kif ninsabu fi żminijiet fejn wieħed ifittex biex jibda rapporti ma’ persuni oħrajn fuq il-midja soċjali jew permezz ta’ dating apps, ħareġ ukoll il-kunċett li wieħed ifittex lil dik il-persuna ideali għalih, li qed ngħidulha “the one”.
Kull fejn tħares, kemm jekk taqra blogs jew qed tara Love Island, kulħadd qed jiffoka fuq kif wieħed isib is-sieħeb jew sieħba ideali għalih jew għaliha. Dan ifisser li persuna jkollha sett ta’ kriterji f’moħħha tal-persuna ideali għaliha u ma taċċetta lil ħadd li ma jilħaqx dawn il-kriterji. Anke jekk jista’ jkun li l-imħabba li kapaċi jirċievu mingħand dik il-persuna tkun ħafna u ħafna iktar profonda minn dik tal-persuna ideali li bnew fil-fantażija tagħhom.
Ifhem, nifhmu li kulħadd jixtieq isib lil xi ħadd verament speċjali. Ix-xewqa li tħoss l-imħabba ta’ ħaddieħor lejk hija xi ħaġa universali. Iżda din il-missjoni tagħna li nsibu l-persuna “perfetta” b’mod immedjat qed twassal sabiex nitilfu ħafna esperjenzi li jistgħu jgħinunha nikbru u forsi nibdlu fhemtna dwar dak li hu ideali għalina. Wara kollox, hemm raġuni għaliex il-films ta’ Disney jgħidulhom fairytales…għax ma tantx issib bħalhom fid-dinja!
Din il-fissazzjoni li ssib il-persuna perfetta mhux talli mhix realistika, iżda toħloq ukoll biża’ żejda fejn jidħlu l-fallimenti u ġġiegħlek toqgħod lura milli tieħu riskji. Infatti ssib persuni li jgħidulek “jien ma jien se noħroġ ma’ ħadd sakemm ma tkunx il-persuna perfetta għalijja.” Madanakollu, kull relazzjoni, twila kemm hi twila, tgħallimna xi ħaġa dwarna nfusna u dwar ħaddieħor li ma nistgħux nitgħallmu jekk ma nagħmlux ukoll dawn it-tip ta’ esperjenzi. Huwa biss bl-esperjenza li verament nifhmu x’nixtiequ u ma nixtiequx f’sieħeb jew sieħba.
U inti, it-tip li qabel ma tagħmel pass trid tkun ċerta li qed titkellem ma’ ‘The One’ jew it-tip li tipprova tieħu ċans u tara x’jiġri?