Jum il-votazzjoni qed joqrob: Inti x’tip int?
Hemm min għal jum il-votazzjoni jkun ilu jipprepara minn ħafna qabel. M’iniex nirreferi għal dawk li jkunu biħsiebhom joħorġu għall-politika u lanqas għall-canvassers li jagħtuhom daqqa t’id f’dan il-proċess. Lil dawn ħallihom janalizzaw min huma dawk li se jivvutaw, min ixejjer l-istess bandiera u min le, x’inhuma l-bżonnijiet tal-votanti, il-jiem li matulhom se jagħmlu parties jew żjajjar apposta fil-lokalità differenti, u l-bqija.
Hawn qed nirreferi għall-votant fih innifsu hekk kif ikun qed joqrob jum il-votazzjoni. Il-Ħerqan jara li d-dokument tal-vot jingħatalu, iqiegħdu f’post sikur, biex meta jasal il-waqt jieħdu miegħu u jaqdi dmiru bħala ċittadin Malti. Ir-Relax moħħu fir-riħ u ftit jimpurtah minn xi jfisser il-jum tal-votazzjoni. Fost dawn hemm ukoll l-Alalmaws li jinsew, u mnalla jkunu l-canvassers li b’dedikazzjoni jċemplu d-dar jew fuq il-mobile biex ifakkruhom.
Imbagħad f’jum il-votazzjoni tara lis-Sammaritan li jqum sa minn kmieni u jilbislek għall-okkażjoni biex ikun minn tal-ewwel fil-post tal-votazzjoni. Tarah bi tbissima fuq fommu lest li għallinqas għal jum wieħed ikun il-counselor tiegħek biex jgħinek fid-deċiżjoni tiegħek f’lil min se tagħti n-number one, u n-number two, u l-bqija.
Hemm ukoll Ċikku u Peppa li għalihom jum l-elezzjoni jservi bħala ħarġa speċjali, daqslikieku kienet xi okkażjoni soċjali bħal coffe morning jew nofstanhar tombla. Ħallihom inemmsu ’l hawn u ’l hinn, jaraw ma’ min se jaqbdu diskursata tal-akbar importanza. Imbagħad malli jasal xi politiku fuq il-post ħallihom jieqfu mid-diskors, jiddrittaw u jċapċpu, skont kif titlob l-okkażjoni.
Imbagħad Iddejjaqnix tarah għaddej ħarstu ’l isfel biex ifehmek li m’għandux aptit paroli u ħela ta’ ħin, u li wara kollox il-vot huwa sigriet u ħaġa personali. Dan ikun ta’ fommu sieket, jagħżillek dik is-siegħa meta jaħseb li jkun hemm l-inqas folla, biex kemm jaqbad u jidħol, u wara li jippreżenta d-dokumenti neċessarji, jingħata l-lista li fuqha se jivvota, jivvuta wara l-purtiera f’ħin qasir, u jerġa’ jinġabarlek lura d-dar f’tebqa t’għajn.
Nistaqsi: inti ta’ liema tip int?