Karozza kbira jew żgħira?
Il-parti l-kbira minna ngorru għax in-numru ta’ vetturi fit-toroq urbani dejjem jiżdied u għalhekk qed nieqfu iktar għat-tul fit-traffiku f’ċerti sigħat tal-ġurnata. Minkejja dan, mhix gidba jekk ngħidu li parti mdaqqsa minna nippreferu nsuqu karozza ikbar, u dan minħabba raġunijiet differenti, anki jekk spiss inkunu aħna biss fihom.
Apparti dan, mhux l-ewwel darba li dawk minna li jsuqu karozzi kbar sabu ruħhom f’diffikultjiet diversi, daqqa biex insibu parking sura u daqqa biex ngħaddu minn ċerti toroq dojoq, l-iktar meta naslu għall-kantunieri!
Però, hija verità wkoll li n-numru ta’ sewwieqa li qed imorru għal karozzi iżgħar, partikolarment dawk b’żewġ postijiet, qed jiżdied bil-mod il-mod. Min jitkellem magħhom malajr jiskopri l-vantaġġi, li apparti mobilità aħjar, żgur li jikkonsmaw inqas enerġija.
Xi wħud jiftakru d-daqs ta’ karozzi bħall-Mini Minor, il-Fiat 126 jew 500, il-Hillman Imp, is-Suzuki 800, il-Honda Civic, is-Simca 1000… Kienu karozzi żgħar u dan fi żmien meta l-familji Maltin kienu ikbar. U konna nsuquhom f’toroq u sitwazzjonijiet tat-traffiku inqas stressanti milli jeżistu llum. Fil-preżent donnu qed iseħħ bil-kontra: il-familji ċkienu imma l-karozzi żdiedu fid-daqs u anki fil-kwantità!
Hu minnu li llum il-karozzi kibru fid-daqs anki għax żdiedu s-sistemi tas-sigurtà fihom, imma jekk naħsbu ftit kemm verament għandna bżonn karozzi kbar għall-ħtiġijiet ta’ kuljum? U dan meta parti kbira mill-jum l-istess karozzi jgħadduh ipparkjati x’imkien?
Fost il-ħafna karozzi disponibbli fis-suq lokali hemm waħda b’dimensjonijiet li s’issa ma jirbħilha ħadd: tul ta’ inqas minn 2.50 m, wisgħa ta’ inqas minn 1.50 m, u għoli ta’ 1.50 m. Hija karozza li taħdem bl-elettriku u jidħlu komdi fiha żewġ persuni ta’ sitt piedi u iktar. Bħala veloċità ttella’ ftit inqas minn 50 km/h u l-batterija taf twassal sa distanza ta’ 70 km. Il-prezz tagħha, bis-saħħa tal-grants offruti mill-istat, huwa affordabbli tassew.
Karozzi ta’ dan it-tip s’issa għadna naraw ftit ħafna fit-toroq Maltin, imma fi gżejjer tad-daqs ta’ Malta u Għawdex, hemm probabbiltà kbira li jiżdiedu sewwa maż-żmien.