Kaxxa bi prodotti sostenibbli għal kull wild ġdid!
Jekk wasalt biex ikollok tarbija, il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir qed iqassam starter-kit sabiex nintroduċu l-prinċipji tal-iżvilupp sostenibbli sa mit-twelid.
Il-baby box qed tingħata lil kull wild irreġistrat f’wieħed mill-uffiċini ta’ Identità u tinkludi fiha diversi prodotti tat-trabi magħmulin minn materjal riċiklat kif ukoll prodotti oħra li jistgħu jintużaw aktar minn darba, b’hekk ikollhom impatt inqas fuq l-ambjent. Infatti, sa mill-bidu tal-proġett, diġà tqassmu aktar minn 10,000 kaxxa sostenibbli madwar Malta u Għawdex kollha.
F’kull kaxxa ser issib: kutra, ħarqa li tista’ terġa’ tintuża, liners, cloth wipe, furketta u mgħarfa, vavalor, wet bag, gażaża u teether, kalzetti u ingwanti, u muslin cloth. Meta wieħed jagħmel użu minn dawn il-prodotti, ikun qed jgħin sabiex jitnaqqas l-iskart fil-pajjiż.
Dan il-proġett, permezz ta’ kollaborazzjoni mal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu, għandu wkoll l-għan li jkompli jrawwem kultura tal-qari sa minn età bikrija. Għalhekk, f’kull kaxxa qed jitqassam sett ta’ kotba, wieħed bil-Malti u ieħor bl-Ingliż, adattati għat-tfal żgħar.
Apparti minn hekk, dan il-proġett qed jindirizza għadd ta’ Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) maħruġa mill-Aġenda 2030 tan-Nazzjonijiet Magħquda, fosthom SDG 4 Edukazzjoni ta’ Kwalità, SDG 8 Xogħol Deċenti u Tkabbir Ekonomiku, SDG 10 Inugwaljanza Mnaqqsa, SDG 12 Konsum u Produzzjoni Responsabbli u SDG 13 Azzjoni Klimatika.
Dan il-proġett qed jiġi implimentat mid-Direttorat għall-Iżvilupp Sostenibbli fi ħdan l-Uffiċju tas-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir b’kollaborazzjoni ma’ Identità u l-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu.
Għal aktar informazzjoni żur is-sit: https://sustainabledevelopment.gov.mt/opportunities/projects/sustainable-baby-box/