Kemm jirnexxielek tibbinġja TV Series?
Kif konna ngħaddu l-ħin daqs 40 sena ilu, meta internet kien għadu fenomenu li ma laqatniex hawn Malta? Min jaf kemm bosta qattajna sigħat twal quddiem it-televixin naraw cartoons u serje tv bil-lingwa Taljana. Oħrajn kienu żgur iqattgħu sigħat jisimgħu ir-radju, fosthom il-kanali Taljani. Kienu sigħat li għaddewlna l-ħin imma permezz tagħhom u bla indunajna tgħallimna wkoll it-tielet ilsien, it-Taljan.
Illum il-qari naqas mhux biss fost it-tfal u ż-żgħażagħ, imma anki fost l-adulti, forsi anki minħabba l-għażla illimitata ta’ films u serje televiżivi li joffru kumpaniji apposta bħalma huma Netflix, Amazon, Sky, u l-bqija. Tħobb xi tħobb, żgur li hemm films jew serje li japplikaw għalik, u din id-darba b’liema lingwa tixtieq.
Ħarsa lejn il-menù tal-ġeneri tagħtina għażla wiesgħa: romantiċi, tal-biża’, avventura jew azzjoni, storiċi u dokumentarji, klassiċi, arti marzjali, fantasija jew fantaxjenza, u bosta iktar. Imbagħad hemm produzzjonijiet minn kull kontinent u pajjiż: mill-Italja, Indja, Amerka, Ingilterra, Turkija, Franza, Spanja, il-Korea t’Isfel, iċ-Ċina. U dawn tista’ ssegwihom kemm bl-ilsien oriġinali, kif ukoll iddabbjati fl-ilsna li tippreferi jew tifhem l-aħjar. Jekk dan mhux il-każ, u jkollok bilfors issegwi l-produzzjoni b’ilsien li ma tifhimx, allura hemm is-sottotitli li jgħinuk issegwi u tifhem dak li jkun qed jingħad.
Illum mhux bħal snin ilu: qabel kien ikollna nistennew ġimgħa biex naraw l-episodju li jmiss. Illum tista’ ssegwi s-serje sħiħa, li xi drabi jkollha iktar minn staġun wieħed, bla interruzzjoni ladarba jkunu disponibbli l-episodji kollha. U hemm min jirnexxilu jara staġun sħiħ, li jista’ jkollu mill-inqas 8 episodji, imma anki iktar, f’jum wieħed!
Nammettuha: min għadda minn esperjenza bħal din jaf li għal sigħat sħaħ ikun inqata’ mir-realtà u bħal daħal f’dinja jew dimensjoni kompletament differenti biex għex min jaf kemm-il avventura, sorpriża, emozzjoni, waqtiet ta’ stennija u tensjoni, oħrajn fejn ngħidu “Għall-erwieħ!” , “Ħaqqu” jew “Fl-aħħar!” Fl-istess ħin nibku, nirrabjaw, nidħqu, inċapċpu, ngħattu wiċċna, nibżgħu u l-bqija. Hija żgur esperjenza gratifikanti.
Imbagħad ħallina neqirdu għax għajjenin, jew għajnejna juġgħuna…