Kemm saret rari l-empatija fl-adoloxxenti?

 Kemm saret rari l-empatija fl-adoloxxenti?

Is-sens ta’ empatija fil-ħajja soċjali moderna qed tinbidel f’ġojjel rari, speċjalment fl-adoloxxenti u fit-tfal. Qatt kontu f’xi diffikultà u flok issibu lil xi ħadd jgħinkom, taraw għadd ta’ persuni li jibqgħu għaddejin u minflok joffrulek l-għajnuna, jinjorawk jew jiddieħku bikom minn taħt? Sfortunatament ngħidilkom li tiġri ta’ spiss u dan ifisser li l-kapaċita li nkunu empatiċi qiegħda bil-mod il-mod tmajna.

Li tkun empatiku tfisser li tkun ġentili b’mod naturali mingħajr ma ħadd ma jobbligak. L-empatija ġġiegħlek tidħol fiż-żarbun ta’ ħaddieħor biex tkun taf sew dak li jkun x’jista’ jkun qiegħed iħoss. Fil-ġenerazzjonijiet moderni, l-empatija mhux qed issib l-ispazju xieraq. Ċertu studji jindikaw li l-ġenituri mhux ikollhom biżżejjed ħin biex itejbu l-intelliġenza emozzjonali t’uliedhom. Biex tifel jibda jidhra jkun empatiku hemm bżonn li jkollu l-opportunità josserva atteġġjament pożittiv, jiddiskuti ma’ min hu ikbar minnu, u jkollu min jispjegalu r-raġuni għaliex xi ħaġa hi tajba jew le.

Sfortunatament, it-teknoloġija, bħalma tagħmel il-ġid, tħalli wkoll l-effetti negattivi tagħha. Il-fatt li ħafna miż-żgħar iqattgħu ħafna ħin wara l-iscreen minflok jissoċjalizzaw, joħloq diffikultà. Aktar minn hekk, it-tfal m’ għadhomx jilagħbu barra fil-beraħ bħal qabel, iktar u iktar hekk kif il-perikli fit-toroq żdiedu. Id-dinja virtwali wasslet ukoll biex il-każijiet ta’ cyberbullying żdiedu. Virtwalment, tfal u adoloxxenti jħossuhom aktar komdi jesprimu ruħhom bla ma jaħsbuha darbtejn għaliex iħossuhom protetti f’dinja li ma tinħassx reali.

Aħna l-adulti nistgħu ngħinu liż-żgħar tagħna billi nżommu djalogu miftuħ magħhom, inqattgħu ħin ta’ kwalità waqt li nagħmlu attivitajiet utli flimkien, nħalluhom jitkellmu biex jesprimu dak li jħossu u fuq kollox nigwidawhom sabiex iġibu ruħhom sew mhux biss fuq livell verbali imma anke dak non-verbali.

Huwa importanti li s-sens ta’ empatija jiġi kkultivat. Mingħajr doża deċenti ta’ empatija niġu qisna robots: nies bla emozzjonijiet. Barra minn hekk, li persuna tkun empatika tiġbed ir-rispett, tgħin fir-relazzjonijiet personali, kif ukoll dawk professjonali.

Intom x’taħsbu?

Il-ħajja mgħaġġla, id-dinja virtwali u fatturi oħra qegħdin kollha jxekklu liż-żgħażagħ milli jiżviluppaw sens ta’ empatija lejn l-oħrajn.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com