KEMM SE DDUM BILQIEGĦDA FUQ IT-TOILET?

 KEMM SE DDUM BILQIEGĦDA FUQ IT-TOILET?

Fost il-bosta ħwejjeġ li nagħmlu matul il-ġurnata hemm dak li nsejħulu t-“toilet time”. Hija xi ħaġa naturali li ma nistgħux naħarbu minnha. Hemm minna li din il-biċċa ngħaddu minnha iktar minn darba kuljum. Hemm min jgħid saħansitra li l-irġiel iqattgħu ħin ħafna itwal min-nisa meta jiġu għal dawn l-affarijiet. Kemm hu minnu dan?

Ħa ngħiduha kif inhi: għal bosta dan jista’ jkun l-uniku ħin li matulu noqogħdu ftit għall-kwiet bla ma jdejjaqna ħadd. Qabel konna ndaħħlu magħna xi gazzetta jew rivista biex naqraw xi artiklu interessanti. Illum lil dawn ħadilhom posthom l-ikbar ħabib tagħna, il-mobile, li bih nafu nagħmlu mirakli! It-“toilet time” għalhekk jinbidel f’ħin investit fit-tqallib tal-paġni ta’ Twitter, Instagram, TikTok jew Facebook. Hemm min jaqralek l-aħħar aħbarijiet, oħrajn jaraw xi video mużikali jew xi meme qasira. Xi drabi ikollok iddum bilqiegħda fuq it-tron minħabba li l-biċċa tan-“number two” tkun diffiċli tassew.

U l-ħin jgħaddi bla ma tinduna. Tirrealizza biss b’dan meta tibda tisma’ l-garr min-naħa l-oħra tal-bieb jew tinħasad b’xi tisbita fuqu akkumpanjata b’għajta tipo, “Mela weħilt mas-sedil hemm ġew ja ħarr…?!”

Tajjeb però li nkunu nafu li hemm studji li jgħidu li m’għandekx tqatta’ iktar minn ħames minuti bejn wieħed u ieħor bilqiegħda fuq it-toilet. Dan għal raġunijiet diversi: jistgħu jorqdulek saqajk, imma din il-kundizzjoni tgħaddi wara ftit sekondi li tqum. Konsegwenza iktar gravi hi dik li jistgħu jiżviluppawlek l-emorrojdi ladarba d-demm jibda jinġabar fil-vini t’hemmhekk minħabba l-gravità u l-pożizzjoni antipatka, jew tista’ saħansitra tibla’ xi infezzjoni.

Kundizzjoni kerha oħra hija dik li pożizzjoni bħal din tista’ tikkawża qsim fiż-żona anali li tinduna bih meta tibda tara sinjali ta’ demm u hi kundizzjoni li tista’ tikkawża skumdità u anki wġigħ.

Biex tipprevjeni konsegwenzi koroh u ttaffi xi ftit minn dan kollu l-esperti jissuġġerixxu li waqt it-“toilet time” ittella’ saqajk fuq banketta. Idealment però ipprova agħmel dak li għandek tagħmel bla telf ta’ żmien u ttrasferixxi ruħek għal post iktar komdu.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com