“Kif jaraw zebra crossing, jagħtu s-salt u jaqsmu”
Hekk qaltilna persuna li tkellmet magħna. Fatt li huwa verament minnu. Spiss tara nies li kif jilmħu zebra crossing, jagħtu s-salt u jaqsmu u bil-kemm ma jħarsulekx bl-ikrah meta tkun kważi soqt fuqhom.
Għalkemm iz-zebra crossing tagħti d-dritta lill-persuni jaqsmu, trid tiġi mit-tnejn. Is-sewwieq irid inaqqas mill-veloċità kif jilmaħ waħda.
Madanakollu, min qed jaqsam ma jistax jaqbad u jaqsam bl-addoċċ għas-sempliċi raġuni li għandu dritt. Is-sewwieq ma jintebaħx mill-ewwel bl-intenzjoni tiegħek.
Inżommu f’moħħna li jkun hemm ħafna drabi fejn ikun hemm nies viċin iz-zebra crossing u ma jaqsmux. Ma tista’ qatt tibqa’ miexi bir-ritmu li int miexi mill-bankina għal fuq iz-zebra. Forsi tinstema loġika imma importanti li nintebħu b’dan.
Iseħħu ħafna inċidenti f’dan ir-rigward. Is-sigurtà fit-toroq trid tkun imħarsa minn kulħadd mhux mis-sewwieqa biss!