Klassijiet fil-miftuħ għal uliedna?
Fil-preżent hawn żewġ forzi opposti li bħal donnhom jinsabu f’battalja ġo Malta. L-ewwel forza hija dik li timbotta lil ftit minna biex il-ftit raba’ li fadlilna naraw kif nisfruttawha u nibdluha fi flus permezz tal-industrija tal-kostruzzjoni. Il-forza l-oħra hija l-investiment għaqli min-naħa tal-awtoritajiet ikkonċernati fi spazji ħodor bħalma huma l-ġonna pubbliċi jew il-parkijiet naturali. U l-poplu Malti fil-qiegħ ta’ qalbu jaf li huma dawn tal-aħħar li fir-realtà jnisslu hena, sliem u kuntentizza fih.
L-apprezzament min-naħa tal-poplu Malti – imma anki mill-ħafna barranin li llum jgħixu f’pajjiżna -, ta’ dawn il-ġonna u spazji naturali pubbliċi narawh meta kull nhar ta’ Ħadd jew fil-jiem ta’ btala eluf ta’ persuni, inklużi familji, imorru jgħaddu nofs ta’ nhar jew ftit iktar f’dawn l-ispażji, fost is-siġar, id-dell li joffru u l-arja friska, ’il bogħod mill-għagħa tal-bliet klawstrofobiċi u l-istorbju tat-traffiku sfrenat. Proġetti bħalma huma l-Park Nazzjonali f’Ta’ Qali u oħrajn simili li saru fil-limiti taż-Żurrieq, fil-Fgura, imma anki spazji naturali bħall-Majjistral, huma ta’ min ifaħħarhom.
Dawn huma kollha spazji fejn dak li jkun jista’ jmur anki waħdu jew mal-ħbieb biex igawdi ftit il-kwiet anki matul il-jiem tal-ġimgħa, jagħmel ftit eserċizzju fiżiku u fl-istess ħin jisma’ l-ħsejjes naturali li żgur isarrfu f’benefiċċji anki psikoloġiċi filwaqt li jserrħu lill-ispirtu.
Huwa għaqli tassew li l-awtoritajiet ikomplu jinvestu dejjem iktar fi spazji bħal dawn, bħalma huwa wkoll għaqli li nkomplu nrawmu l-imħabba u r-rispett lejn l-ambjent naturali fost it-tfal sa mill-ewwel snin fl-iskola, u fost il-kbar permezz tal-midja soċjali.
Spazji bħal dawn huma wkoll l-abitat għal min jaf kemm mijiet ta’ ħlejjaq naturali, fosthom pjanti, siġar, insetti, u għasafar differenti. Għalhekk spazji bħal dawn jistgħu jkunu wkoll parti minn programmi edukattivi apposta u ‘klassijiet fil-miftuħ’ fejn it-tfal tagħna, mela l-adulti tal-ġejjieni, jitgħallmu id f’id u direttament mill-ħolqien naturali.
Hekk biss forsi jikber l-għarfien kemm aħna l-bnedmin niddependu saħansitra fuq l-iċken ħlejqa naturali u li kull ħlejqa tikkontribwixxi għall-ekwilibriju li jeżisti fin-Natura.
Ninvestu dejjem iktar fl-armonija bejn bniedem u natura.