Kul … u salva l-klima
Illum diffiċli li ma tgħaddix ġurnata u b’xi mod jew ieħor tisma’ jew taqra … jew anki tħoss, l-effetti drastiċi li l-bidla fil-klima qed ikollha fuq ħajjitna.
Imma kont taf li anki l-għażliet ta’ x’tiekol u kif tiekol jistgħu jħallu impatt?
Filwaqt li l-varjetà ta’ prodotti tal-ikel li huma konxji mill-impatt tagħhom fuq l-ambjent qed tiżdied, ħafna nies xorta jsibuha diffiċli biex jifhmu eżatt x’jeħtieġ tagħmel biex tkun sostenibbli lejn l-ambjent. Il-produzzjoni tal-ikel fid-dinja bħalissa hi responsabbli għal madwar terz ta’ dik li nsejħu CO2 emission … statistika pjuttost serja! Allura x’tista’ tagħmel biex meta tiekol tkun qed tgħin biex tħares l-ambjent? Dawn huma xi suġġerimenti:
- Ikel frisk
Waħda mill-aħjar affarijiet li tista’ tagħmel huwa li tixtri direttament mingħand il-bdiewa jew inkella tmur postijiet bħal pitaklija. L-ikel mhux biss ser ikun frisk u iktar irħis imma ser tkun anki qed tgħin il-lokal u tnaqqas il-vjaġġ (u tniġġis) li ċertu ikel jagħmel jekk irid jiġi mill-bogħod.
- Sajjar int
Din ser tgħinek mhux biss għax l-ikel huwa iktar bnin, imma probabbilment ser taħli inqas, tista’ tiekol minnu f’iktar minn darba u tifranka l-ippakketjar li ikel take away jinxtara fih.
- Iċċekkja minn fejn ġej l-ikel li qed tixtri
L-ikel li qed tixtri huwa ġej minn produtturi li jħarsu l-ambjent? Illum il-ġurnata t-tikketti tal-ikel u anki l-internet jista’ jipprovdilna ħafna informazzjoni dwar kif l-ikel tagħna qed isir u jitgeżwer.
- Fiex huwa mgeżwer l-ikel?
Din ukoll xi ħaġa li nistgħu nagħtu kas. Il-kaxxi jew boroż li fih l-ikel huwa riċiklabbi? Meta tmur tixtri tieħu baskett miegħek? Ċertu ħwienet anki jservuk jekk tieħu miegħek kaxxi tat-tupperware jew fliexken biex timla bil-litru.
- Ikel … mhux tas-soltu
Kultant li wieħed jagħmel użu ta’ ingredjenti mhux tas-soltu jfisser li dawk l-ingredjenti li nużaw bl-għama ma jkunx hemm pressjoni għolja fuqhom. Per eżempju prova uża buckwheat flok ross, algae jew anki ċertu tipi ta’ cactus li jintużaw fit-tisjir. Ma tkunx biss qed tgħin tħares l-ambjent imma anki tipprova xi ħaġa ġdida u sustanzjuża!