L-arti tat-triq: Taħżiż jew xi ħaġa iktar?
Bosta minna xi darba jew oħra sifirna u żorna xi belt jew oħra u mxejna fit-toroq tagħha. Kemm minna waqt dawn il-mixjiet ġibdulna l-attenzjoni tagħna ċerti tpinġijiet fl-irkejjen fuq il-ħitan, jew f’postijiet oħra, li mal-ewwel daqqa t’għajn bosta jsejħulhom taħżiż?
Imma jekk nieqfu ftit u naħsbu, hemm iċ-ċans li nibdlu ħsiebna wara ftit. Xi wħud minn dawn it-tpinġijiet, li jistgħu jkunu ta’ ftit ċentimetri jew sular u iktar, huma żgur frott it-talent ta’ artisti veri li bi ftit spray jew żebgħa jafu jibdlulek rokna kerha jew abbandunata f’opra tal-arti li tħallik sorpriż, taħsdek, tistiednek tieqaf ftit u tirrifletti, u anki tapprezza l-ħin li ħa l-artist biex għamilha.
Insemmi lill-artist u attivist politiku magħruf mad-dinja kollha Banksy li ismu veru ħadd ma jafu bħalma hemm inċertezza kbira dwar il-vera identità tiegħu. Xogħlijietu spiss jgħaddu messaġġ politiko-soċjali u ssibhom imxerrdin fit-toroq ta’ pajjiżi differenti.
Imma l-arti tat-triq ma tiqafx hawn. Min qatt ma ra, għallinqas fuq it-TV, it-tpinġijiet iddedikati lill-plejer Maradona mxerrdin mat-toroq ta’ Napli? Jew it-tpinġijiet kbar fuq il-ġnub ta’ blokkijiet sħaħ jew il-faċċati tad-djar tal-maġistrati Giovanni Falcone u Paolo Borsellino li ġew maqtula mill-mafja Sqallija fl-1992?
Bosta Maltin spiss imorru Catania, belt oħra li spiss ngħidu “Jaqq” minħabba t-taħżiż u l-graffiti li bihom hija miżgħuda. Imma fl-istess belt hemm fost l-isbaħ biċċiet ta’ “street art” li jinsabu fl-Italja. F’Palermo rajt bosta tpinġijiet fil-kantunieri u fit-toroq mhux prinċipali li jesprimu protesta kontra dak li qed iseħħ kontra l-Palestinjani bħalissa jew għajta favur il-paċi.
Hemm imbagħad bosta tpinġijiet li “jżejnu” ix-shutters tal-ħwienet; rajt saħansitra tpinġijiet direttament fuq il-kaxxi tal-linji tat-telefown, fuq skips, fl-iktar irkejjen griżi u ta’ dwejjaq li jeżistu.
L-arti tat-triq taf tagħti kulur, ħajja, timbru partikolari lil dawn il-partijiet tal-belt. Tgħaddi messaġġi importanti u qawwijin. Hija wkoll espressjoni libera ta’ talenti spiss moħbijin. Illum qed jiġu saħansitra organizzati tours għal dawk interessati biex jaraw l-isbaħ “street art” ta’ bliet partikolari.
X’taħseb inti dwar l-arti tat-triq?