Meta tixrob l-ilma mill-flixkun qed tibla’ dan…

 Meta tixrob l-ilma mill-flixkun qed tibla’ dan…

Kont taf li meta tixrob litru ilma minn flixkun tal-plastik tkun qed tibla’ mijiet ta’ eluf ta’ biċċiet mikroskopiċi tal-plastik? Dan ħareġ minn riċerka li ġiet ippubblikata aktar kmieni din is-sena f’ġurnal xjentifiku.

Infatti, dawn ix-xjentisti sabu mal-240,000 partiċella fi flixkun tal-ilma ta’ litru, bil-maġġorparti tagħhom ikunu mikroplastika. Il-mikroplastika qed tinstab kullimkien. FIl-qiegħ tal-baħar, fis-silġ tal-Antartika u anke fil-plaċenta umana. Allura, huwa normali li wieħed se jsibhom ukoll fl-ikel li nieklu u fl-ilma li nixorbu. Min-naħa l-oħra, il-mikroplastika nstabet ukoll fl-ilma tal-vit, madanakollu f’ammonti iżgħar meta kkumparat mal-ilma fil-fliexken tal-plastik.

Imma għaliex hemm din il-mikroplastika kollha fl-ilma? Bażikament hekk kif il-qtates jaqagħlhom is-suf u l-bnedmin titqaxxrilhom il-ġilda, l-oġġetti tal-plastik jerħu dawn il-mikropartiċelli wkoll. Meta tara l-ammont ta’ plastik li jiġi prodott madwar id-dinja, tifhem għaliex hawn daqshekk mikroplastika u ma nistgħux neħilsu minnha! Infatti, lura fl-2022 madwar id-dinja ġew prodotti 400.3 miljun tunnellata metrika tal-plastik.

Il-problem prinċipali toħroġ minħabba l-fatt li r-riċerkaturi għadhom mhux ċerti dwar l-impatt li l-konsum tal-mikroplastika għandu fuq is-saħħa tal-bniedem. Infatti l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa kienet qalet li m’hemmx biżżejjed evidenza biex wieħed ikun ċert dwar l-impatt fuq is-saħħa u li hemm bżonn issir aktar riċerka dwar dan is-suġġett.

Intant, studju simili li kien sar f’Malta s-sena l-oħra u li tmexxa mill-proġett Deep SEE, kien ra jseħħu testijiet fuq l-ilma tal-baħar territorjali Malti, partikolarment fix-Xgħajra u Selmun. Infatti, kien instab li fl-ilma f’Malta wieħed isib predominantement l-akriliċi, polietilin (PE), polipropilin (PP) u polisterin (PS).

Jekk tixtieq tnaqqas ir-riskju li tikkonsma l-mikroplastika meta tkun qed tixrob l-ilma, tiżisti soluzzjoni għal dan. Infatti, waħda mill-aktar modi effiċjenti biex titneħħa l-mikroplastika mill-ilma hija l-użu ta’ reverse osmosis fil-kċina tad-dar tiegħek. Din is-sistema telimina l-impuritajiet fl-ilma meta tiġi biex tużah. Infatti, jirnexxielha telimina l-maġġorparti tal-kontaminanti fl-ilma u tassikura li l-ilma li għandek id-dar huwa sikur sabiex tixorbu u ssajjar bih.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com