Min jaf x’għamlet għalina din il-mara
Ma’ jew ommi. Żewġ kelmiet qosra, imma t-tifsira tagħhom hi waħda kbira. Jirreferu għal dik il-persuna li tieħu ħafna rwoli, ħafna responsabilitijiet , imma l-irwol tagħha, ma jieħdu ħadd. L-ewwel persuna li kellek kuntatt magħha, li ġarritek f’ġufha u tatek l-ewwel tagħlim.
Forsi lil ommok ma jafha ħadd. Mhux popolari, l-ebda stazzjon tat-televixin ma taha ħin biex titkellem u biex tidher. Mhix politikanta li ħafna nies ifaħħruha. Mhux artista, mhux mudella. Jista’ jkun li mhux influencer.
Le ta. Ommok influencer . Forsi m’għandiex preżenza fuq il-midja soċjali, imma żgur illi influwenzat lilek. Influwenzat f’kull deċiżjoni li ħadet, f’kull pass li għamlet, b’kull bewsa u tgħanniqa, u b’kemm –il darba ċċaħdet hi biex setgħet toffri xi ħaġa lilek.
Jista’ jkun illi mhux dejjem qbilt magħha, speċjalment meta kont żagħżugħ/a. Probabbli kontu qed taraw il-ħaġa minn angoli differenti. Jaf jekk dak in-nuqqas ta’ qbil tarah illum (speċjalment jekk illum int ukoll omm jew missier), tinduna li mhux bilfors kellek raġun.
Mhux kull relazzjoni bejn l-omm u l-ulied hi perfetta, imma żgur li fil-fond ta’ qalb kull omm, hemm rokna speċjali għal uliedha. Anki jekk minħabba xi ħaġa il-fjamma battiet, imma l-ġamra ta’ l-imħabba ta’ l-omm ma tintefa qatt
Ftakar illi l-omm li tatek ħafna, ħaqqha ftit lura. Ma tistenniex wisq. Imqar ngħinuha fejn nistgħu. U anki jekk il-ħajja mgħaġġla, żjara jew telefonata ma teħdilniex ħafna ħin. Iċċaħħadtx lil ommok minnek innifsek.
Ma ninsewx , li mingħajr ommna, m’ aħniex hawn. U jekk imxejt il-quddiem fil-ħajja, ftakar li l-omm għamlitlek l-ewwel pass
X’inhi dik il-ħaġa li l-aktar taprezza f’ommok ?