Min se jogħla l-iżjed: Knejjes jew Torrijiet?
Bħala tul bejniethom mit-Tramuntana sa Nofsinhar, Malta u Għawdex jgħaqqdu daqs 42 kilometru. Malta hija 14.5 km fl-aktar punt wiesa’ tagħha, filwaqt li Għawdex tilħaq in-nofs. Noqogħdu naħsbu ftit ngħixu verament fuq skoll minuskolu meta mqabbel mal-kontinenti ġara tagħna.
Darba minnhom sieħbi Taljan staqsieni bis-sinċerità kollha kif jirnexxielna ma naqgħux fil-baħar meta nkunu qed insuqu. Ma kienx jaf li minkejja ċ-ċokon ta’ dawn il-gżejriet, fihom jeżisti labirint kumpless ħafna tant li llum anki aħna l-Maltin spiċċajna nużaw il-GPS biex naslu f’ċerti mkejjen ta’ pajjiżna stess.
Persuni ta’ ċerta età jafu kif matul dawn l-aħħar 50 jew 60 sena nbidel kompletament il-mod kif jiġi ddefinit l-ispazju li fih ngħixu. L-irħula ma baqgħux żgħar u maqtugħin minn xulxin imma maż-żmien kibru u twessgħu tant li wieħed spiċċa jmiss mal-ieħor tant li f’ċerti partijiet tal-gżira donna sirna belt waħda mibnija bil-ġebla Maltija u iktar riċentement bil-konkrit.
Sa ftit deċennji ilu l-ogħla binjiet fl-irħula kienu l-knejjes maestużi, ċentrali fil-ħajja soċjali Maltija u Għawdxija. Imbagħad bil-mod il-mod il-qalba tar-raħal jew ftit lil hinn bdiet tinbena, u l-bini dejjem jogħla. Waqgħu d-djar tipikament Maltin taż-żewġ sulari bil-gallarija tradizzjonali, biex bdew telgħin il-blokok ta’ appartamenti tal-erba’ u ħames sulari, imbagħad tas-seba’ u tad-disa’ sulari f’lokalitajiet oħrajn, li serqu mill-vista tas-sema u tal-baħar li konna ngawdu xi darba meta nitilgħu fuq il-bjut.
Illum nitilgħu fuq it-turretti u għandna xorti naraw il-koppla tal-knisja tal-lokal! Minflok jaħkmu l-pannelli u l-heaters solari jew il-tankijiet tal-ilma.
Imbagħad hemm il-biċċa tat-torrijiet li llum jaqbżu faċilment l-għoxrin sular! Jekk tkun f’post għoli bħall-Imdina, jew tħares lejn il-Belt Valletta min-naħa ta’ fuq tal-Kottonera, tara dawn it-torrijiet dejjem jiżdiedu u jogħlew, donnhom pjanti mhux indiġeni li qabdu fil-ħamrija Maltija u f’tebqa t’għajn saru ġganti bħall-istorja ta’ Jack and the Beanstalk.
B’xi mod il-bini huwa mera tal-mod kif jaħsibha poplu matul iż-żmien. Sa ftit ilu kellna l-knejjes li jistednuna ngħollu ħarsitna lejn is-sema. Illum għandna t-torrijiet li jħalluna bla nifs, u f’dell permanenti. Allat ġodda?