“Mixja wara li tiekol hija importanti ħafna!” Ara għaliex…
Minkejja li hija tentazzjoni kbira li malli tiekol terġa’ lura żaqqek mad-desk u wiċċek mal-kompjuter, jew inkella tintefa’ mill-ewwel fuq is-sufan, fuq il-midja soċjali bħalissa hemm diversi filmati jinsistu li hemm mod ieħor kif għandek tqatta’ ftit ħin wara l-ikel. Diversi TikTokers qed imorru għal dawk li qed isejħulhom “fart walks” wara li jieklu u qed jinsistu li din il-mixja għandha diversi benefiċċji għas-saħħa.
Filwaqt li wħud jinsistu li mixja wara l-ikel tnaqqas ir-riskju tad-dijabete tat-tieni tip, oħrajn jgħidu li jħobbu jagħmlu dan għax tgħinhom inaqqsu n-nefħ fiż-żaqq li jġib miegħu l-ikel u tħalli impatt fuq id-diġestjoni. Oħrajn jgħidu li tagħmel tajjeb sabiex dak li jkun ma jiżdiedx fil-piż.
Iżda nafu li fuq TikTok kulħadd jgħid ħafna affarijiet differenti, u mhux dejjem ikunu veri. Allura se ngħidulkom ukoll x’jaħsbu esperti internazzjonali dwar dan is-suġġet. Diversi tobba professjonisti u istrutturi jgħidu li l-musrana tagħna għandha xogħol importanti fil-ġisem li jgħidulu peristalsis. Dan bażikament ifisser li l-musrana tgħasar lilha nnifisha b’mod ikkoordinat sabiex tmexxi l-affarijiet fil-ġisem mill-mument li nibilgħu l-ikel sal-mument li nbattluh fil-kamra l-baxxa.
Allura jgħidu li meta nimxu u niċċaqalu nkunu qed nistimolaw il-peristalsis, u b’hekk il-musrana tgħasar b’mod aktar effiċjenti. Esperti jgħidu li dawn it-tip ta’ moviment tal-musrana huma eċċellenti għall-aċċellerazzjoni tal-iżvojtar tal-istonku u jsaħħu wkoll il-mod kif l-ikel jimxi mill-passaġġ gastro-intestinali u jwasslek ukoll sabiex teħles mill-gass li jakkumula wara l-ikel. B’hekk inaqqas l-infieħ fiż-żaqq u l-indiġestjoni.
L-esperti jkomplu jgħidu li meta l-moviment wara l-ikel iwasslek biex tboss jew titfewwaq, mhix xi ħaġa li għandna naraw bħala taboo. Anzi, huwa importanti li jiġri dan għax huwa ta’ benefiċċju għas-saħħa.
Skond iċ-Ċentru tal-ikkontrollar tal-Mard u l-Prevezjoni fl-Amerika, l-adulti huma rrakkomandati li jagħmlu attivita fiżika moderata għal total ta’ 150 minuta fil-ġimgħa. Jgħidu wkoll li huwa importanti li jagħmlu attivitajiet li jsaħħu l-muskoli darbtejn fil-ġimgħa. Il-mixjiet ta’ wara l-ikel jistgħu jservu sabiex jiskontaw il-150 minuti ta’ mixi rrakkomandati.