Modi differenti kif tista’ tiekol id-dulliegħ dan is-sajf!
Id-dulliegħa hija l-frotta li kulħadd jassoċja mal-ġranet jaħarqu tas-sajf. Mhux biss għax hija frotta li tiffriskak imma għaliex hija wkoll versatili ħafna. Hawn taħt se ngħidulkom diversi modi kif tistgħu tinkludu d-dulliegħa ma’ xi platti u riċetti ta’ kuljum:
- Mas-salad: qatta’ d-dulliegħa biċċiet żgħar u żidha mas-salad biex tagħtih dik it-togħma ħelwa. Tmur tajjeb ma’ xi ftit ġobon feta, nagħniegħ u naqra ġelu balsamiku. Inkella tista’ tħallatha ma’ rucola, ħjar u naqra vinaigrette biex tagħmel salad frisk għas-sajf.
- Mas-salsa: qatta’ d-dulliegħa biċċiet żgħar flimkien mat-tadam, basal aħmar, jalapeños, kosbor frisk u meraq tal-lumi. Din is-salsa tmur perfetta bħala kontorn ma’ xi ħuta jew tiġieġa grilljata.
- Fl-ismoothies: għasar id-dulliegħa ma’ frott ieħor bħall-frawli, ananas jew mango biex toħloq smoothie idratanti u nutrittiv. Biex toħloq effett ta’ krema fl-ismoothie tiegħek, tista’ żżid ukoll xi ftit coconut water jew yogurt.
- Grilljat: Kont taf li d-dulliegħ tista’ tieklu wkoll grilljat? Qatta’ d-dulliegħa f’porzjonijiet ħoxnin u grilljahom għal ftit minuti fuq kull naħa. Is-sħana abbinata maz-zokkor naturali li ssib fid-dulliegħa toħloq togħma differenti. Din tista’ sserviha kemm bħala kontorn u anke bħala deżerta.
- Cocktails u mocktails: Uża l-meraq tad-dulliegħa bħala bażi għal xorb tas-sajf. Żid nagħniegħ, lumi u soda water biex toħloq mocktail frisk. Żid miegħu naqra rum jew vodka biex tagħmlu aktar divertenti.
- Deżerta: Id-dulliegħa hija l-frotta perfetta biex minnha toħloq diversi diżerti għas-sajf fosthom popsicles, sorbet u anke granita. Sempliċiment oħloq puree bil-frotta u ffriżaha!
Ingredjent versatili iżda li żgur se jgħinkom tibqgħu friski dan is-sajf.