“Mur għidilhom kemm nitgħajru għalihom il-qaddisin…”
Il-festi reliġjużi Maltin għandhom importanza kulturali, soċjali u reliġjuża f’Malta. U dawn il-festi ma jirriflettux biss il-fidi Kattolika iżda kellhom irwol ċentrali fil-ħajja komunitarja wkoll. Jista’ jkun għadhom juru din ir-riflessjoni, imma ejja ngħidu li l-festi ħadu xeħta differenti. Xeħta ta’ pika, u tgħajjijr ma jonqosx.
Jaf xi darba konna niddedikaw ħin u ċelebrazzjoni għal qaddisin tal-lokali, imma mhux biss. Ir-realtà tal-lum hi mhux kemm tfaħħar il-qaddis jew qaddisa, imma kemm ħa tgħajjat u tinħanaq biex tgħajjar il-patrun ta’ kontra. Ġieli tkun l-istess patrun u xorta nitgħajru! Ma nafx kif waqajna fi stat li ngħajjru qaddisin oħrajn, kif ukoll in-nies li jiċċelebraw dik il-festa. Fil-futbol l-istess jiġri, imma naħseb kulħadd jaqbel li l-festi reliġjużi qatt ma kellhom din l-intenzjoni, le le?
Hawn min jgħid li dawn huma biss piki. U li l-piki jqajmu s-sens ta’ parteċipazzjoni u kompetizzjoni b’saħħitha. Hawn min jgħid li n-nies jiġġieldu tal-mument, imbagħad jgħaddilhom hekk kif tgħaddi l-festa. Tagħmel ħafna sens hu… tisma’ ġara jgħajrek u lil ta’ madwarek, u ġimgħatejn wara tieħdu tazza birra flimkien. Dik ir-realtà tal-lum? Ma nafx lil min qiegħda tibbenifika, jekk hux lilna, jew lil qaddisin tant għal qalbna.
Allura, intom x’taħsbu fuqha din? Jekk tipparteċipaw f’dawn il-festi, x’inhi l-intenzjoni u jekk ġieli dħaltu f’din is-sitwazzjoni, x’tieħdu minnha?