Nipproteġu l-ġilda u l-għajnejn waqt is-sajf

 Nipproteġu l-ġilda u l-għajnejn waqt is-sajf

Ħa ngħiduha kif inhi: bosta jkunu qed jistennew is-sajf bil-ħerqa għal raġunijiet diversi. Il-jum jitwal mela jitwalu s-sigħat li fihom ikollna d-dawl. Ix-xemx imbagħad bħal tibdlilna l-burdata tagħna f’waħda pożittiva u tagħtina s-saħħa permezz tal-vitamina D.

Però, tajjeb li niftakru li s-sajf u x-xemx għandhom il-perikli tagħhom. Biss biss ħin twil esposti għax-xemx sajfija tista’ taħraqilna l-ġilda u tikkawżalna l-kanċer tal-ġilda, xi drabi fatali anki fost iż-żgħażagħ. L-agħar sigħat huma dawk bejn nofsinhar u l-4.00 p.m. Niftakru wkoll li anki jekk noqogħdu għad-dell tal-umbrella, kemm ir-ramel kif ukoll il-baħar jirriflettu r-raġġi tax-xemx.

Għalhekk biex ma ninħarqux hemm bżonn li nużaw il-krema protettiva. Din għandha tiġi applikata fuq il-ġilda 20 minuta qabel ma mmorru direttament fix-xemx. Dawk li għandhom ġilda fina għandhom jużaw krema ta’ spf (fattur ta’ protezzjoni solari) 50, filwaqt li dawk li jkollhom ġilda iktar skura jistgħu eventwalment jużaw krema ta’ spf 30. Niftakru li għandna nindilku kull sagħtejn, jew wara kull għawma, doċċa, jew jekk nogħrqu ħafna wara xi attività sportiva. Huwa importanti wkoll li napplikaw il-kwantità ġusta ta’ krema u li meta napplikawha nqassmuha sewwa matul il-partijiet tal-ġisem kollu.

Parti oħra li tajjeb li nipproteġu huma l-għajnejn, ladarba fis-sajf id-dawl ikun iktar intens, u għalhekk jeħtieġ li naħsbu kontra d-danni li jistgħu jagħmlu r-raġġi ultravjoletti (UV). F’dan il-każ tajjeb li nimxu skont suġġerimenti speċifiċi.

L-iktar ħaġa importanti hija dik li nilbsu dejjem nuċċali tax-xemx. Lentijiet lewn kannella huma dawk li jassikuraw l-ikbar protezzjoni kontra x-xemx. Tajjeb ukoll li nżommu magħna flixkun żgħir tal-qtar tal-għajnejn li jista’ jgħin biex itaffi kontra l-infjammazzjoni tal-għajnejn. Għal min juża l-contact lenses huwa suġġerit li juża minn dawk li tużahom darba u tarmihom. Huwa tajjeb ukoll li kuljum nixorbu almenu litru u nofs ilma jew simili biex inżommu kemm l-għajnejn kif ukoll ġisimna idratati. Kontra l-melħ tal-baħar jew il-kloru tal-pixxina tajjeb ukoll li nilbsu nuċċali tal-ilma apposta u eżatt wara nieħdu doċċa bl-ilma ħelu.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com