Nixegħlu l-aircondition għall-frisk u ngħinu ’l saħħitna
Bdiet is-sħana u, għalhekk, arana fis nibdew nixegħlu l-aircondition. Id-dar, ix-xogħol, fil-ħwienet … illum il-ġurnata, il-maġġoranza jaqblu li ma jgħixux mingħajr tal-inqas wieħed.
Tajjeb li jkollna l-arja kkundizzjonata biex inżommu friski u nkunu komdi. Żomm f’moħħok li hemm benefiċċji marbutin mas-saħħa meta nħaddmu l-AC. Hawnhekk insemmu l-iktar importanti:
· Ladarba l-AC jżomm temperatura friska, jgħin lill-ġisem iżomm f’temperatura ideali u jevita xi heatstroke jew dehydration, l-iktar f’persuni vulnerabbli bħal anzjani, tfal jew l-morda.
· L-apparat jinkludi filtri li jtaffu t-tniġġis, it-trab, l-irwejjaħ u l-frak li jikkawża alleġiji mill-arja. B’hekk, min għandu l-ażma u mard ieħor respiratorju jaf iħossu aħjar.
· Dawk li jgħixu f’postijiet umdużi jaraw inqas moffa u ċarċir tal-umdità għax l-AC jikkontrolla l-ammont ta’ ilma fl-arja.
· B’temperatura u livell ta’ umdità aħjar, ikollna raqda aħjar u iktar komda. Is-serħan itejjeb is-saħħa konsiderevolment.
· Jekk iżżomm it-twieqi u l-bibien għal barra magħluqin ma jidħlux insetti li joħolqu skumdità jew ħsara. Gidma ta’ nemusa fuqna jaf tħalli effett li jtul jiem. Tnaqqas ir-riskju li l-annimali jingidmu mis-sandfly ukoll.
· Jekk tinżamm klima komda fuq ġewwa tgħin biex titjieb is-saħħa mentali tal-persuni. Dan jgħodd l-iktar għal postijiet ta’ xogħol u istituzzjonijiet edukattivi.
Dawn il-benefiċċji jgħoddu bil-premessa li l-AC ikun jaħdem tajjeb u jingħata service regolarment biex jitnaddaf minn ġewwa u, jekk ikun hemm bżonn, jissewwa. Idealment ikun hemm ċans biex tiġi ċċirkolata l-arja bħal jinfetħu xi tieqa jew bieb kultant. Tajjeb li t-temperatura tkun medja u mhux kiesħa żżejjed għax imbagħad twassal għal ħsara mod ieħor.