Ser joħroġ ir-Redentur tal-Isla – wegħda antika tas-Sengleani

 Ser joħroġ ir-Redentur tal-Isla – wegħda antika tas-Sengleani

Nhar is-7 ta’ Ġunju ser joħroġ ir-Redentur tal-Isla. Fis-6 p.m. se ssir Quddiesa ċċelebrata minn Mons. Carmelo Refalo bis-sehem tal-Kapitlu Senglean u wara purċissjoni bix-xbieha mirakoluża ta’ Ġesu’ Redentur.

Din is-sena qed tiġi antiċipata ħabba l-elezzjonijiet li hawn f’pajjiżna. Matul din il-purċissjoni organizata mill-Fratellanza tas-Santissimu Kurċifiss bis-sehem tal-Ordni Ewkestru tas-Santu Sepulkru ta’ Ġerusalemm, li jieħu sehem permezz tal-Kavallieri, Dami u Ekklesjastiċi.

Din il-Festa tmur lura lejn l-1813 meta s-Sengleani għamlu wegħda li jekk ma’ tidħolx il-pesta ġewwa l-Belt tal-Isla jibdew jagħmlu 3 purċissjonijiet fosthom din ta’ Ġunju bix-xbieha mirakoluża ta’ Ġesu’ Redentur. Il-Poplu Senglean baqa jżomm din il-wegħda u ta’ kull sena issir din il-Festa ad unur Ġesu’ Redentur.

Ħafna huma dawk il-pellegrini li jinġabru fil-Bażilika tal-Belt Senglea sabiex jimxu b’tant devozzjoni wara din ix-xbieha mirakoluża, li nistgħu ngħidu li tkun waħda devota u ta’ talb. Ħafna huma dawk il-persuni li jagħmlu din il-mixja ħabba xi grazzja li rċevew jew bħala mixja ta’ fidi. Follol kbar joħonqu it-toroq tal-Belt Sengleana sabiex jesprimu l-fidi u devozzjoni tagħhom.

Din ix-Xbieha mirakoluża toħroġ fit-toroq tal-Belt Senglea tliet darbiet fis-sena: f’Marzu waqt il-pellegrinaġġ Nazzjonali Djoċesan immexxi mill-Arċisqof Charles J. Scicluna, fil-purċissjoni bil-misteri tal-passjoni fil-Ġimgħa l-Kbira u f’Ġunju fil-Festa iddedikata għalih. Din il-festa tibda permezz ta’ tliet ijiem ta’ Tridu li jibdew nhar l-4 ta’ Ġunju sas-6 ta’ Ġunju fis-6 p.m. fil-Bażilika tal-Isla. Jiftaħ dan it-Tridu din is-sena il-Kan. Dr Nicholas Doublet li huwa l-arkivista tad-Djoċesi u lettur tal-Istorja tal-Knisja fi ħdan l-Università ta’ Malta.

Ħafna huma dawk il-komunitajiet li jagħmlu pellegrinaġġi ta’ talb sabiex jitolbu quddiem din ix-xbieha u kull nhar ta’ Ġimgħa fl-10 a.m. isir quddiesa għall-pellegrini.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com