Six packs, patati u isdra mwaqqfin … imma mhux biss

 Six packs, patati u isdra mwaqqfin … imma mhux biss

Ta’ kull sena, mal-bidu tal-istaġun tas-sajf, il-parti l-kbira tal-Maltin tibda tiffrekwenta regolarment il-bajjiet ħalli tgawdi l-isbuħija tax-xemx u l-baħar lokali. Tibda tara nies ta’ kull tip u statura: jispikkaw dawk li jkunu qattgħu sigħat twal il-gym biex b’hekk ikunu jistgħu juru b’ċerta kburija ġisimhom sabiħ daqs skultura Griega, midluk bi kremi speċjali kemm biex jattiraw l-attenzjoni iktar u kemm bħala protezzjoni kontra r-raġġi tax-xemx.

Hemm imbagħad il-biċċa interessanti tat-tattoos li iktar kemm jgħaddi ż-żmien iktar qed jiżdiedu fuq kull parti tal-ġisem. Kull tattoo fiha storja warajha u min jaf x’niskopru kieku kellna l-ħin nieqfu u nitkellmu ma’ dawk li b’tant kburija jberrħuhom għad-dawl tax-xemx sajfija.

It-tattoos, is-six packs, il-patati u l-isdra mwaqqfin, il-mixja partikulari ta’ kull wieħed u waħda minna, flimkien mal-malji deċenti u inqas deċenti li naraw għaddejjin quddiemna żgur li jgħaddulna parti kbira mill-ħin meta nkunu ħdejn il-baħar.

Imma hemm ukoll in-naħa l-oħra tal-munita. Ta’ kull sena matul is-sajf ikun hemm xi inizjattivi li jħeġġuna nieħdu ktieb magħna biex waqt li nkunu qed nixxemmxu u nistrieħu nsibu ftit ħin biex naqraw ukoll. Kien hemm snin meta entitajiet apposta ħolqu bħal libreriji ċkejkna fil-bajjiet ewlenin minn fejn dawk li jixtiequ setgħu jissellfu ktieb u jaqraw parti minnu matul il-btala qasira tagħhom.

Dan ifakkarni fil-qawl li bejn wieħed u ieħor jgħid li jekk il-muntanja ma’ tiġix hi ħdejk, mela kun inti li tmur ħdejha. U dan jintrabat ma’ ħsieb li għadda minn moħħi: għaliex fis-sajf li qiegħed wara l-bieb ma jiġux organizzati okkażjonijiet taħt tined apposta fejn xi kittieba jmorru huma fil-bajjiet u jitkellmu ma’ dawk preżenti, jaqraw xi xogħlijiet minn tagħhom, forsi marbutin mat-tema sajf jew simili, u joħolqu bħal djalogu jew sessjonijiet ta’ mistoqsijiet/tweġiba?

Huwa ħsieb miġnun dan? U min se jazzarda jagħmel dan se jitqies bħala baħnan, iblah jew sempliċi? Ħolma? Jiena m’iniex daqstant qalbi maqtugħa li esperiment bħal dan jista’ jirnexxi.

Hekk inkunu qed norbtu l-pjaċir tal-baħar mal-gost tal-qari u l-imħabba għall-ktieb.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com