Skont Google dawn huma l-aktar 10 affarijiet li Malta hija magħrufa għalihom

 Skont Google dawn huma l-aktar 10 affarijiet li Malta hija magħrufa għalihom

Poġġi bilqegħda u aħseb: ‘X’inhuma l-ewwel 10 affarijiet li jiġuk f’moħħok meta taħseb fil-Gżejjer Maltin?’.

 

Probabli kollha kemm aħna ħa nagħtu risposti differenti li jew jagħmluna kburin b’pajjiżna, jew inkella li forsi jġegħluna ninbarazzaw ftit ruħna.

 

Ejja nagħtu ħarsa lejn l-għaxar tweġibiet primarji għal din il-mistoqsija meta staqsejnieha lil Google…

 

  1. L-Imdina

Bla dubju wieħed mill-iktar postijiet ikoniċi fi gżiritna, li verament rat l-istorja tinbidel għal sekli fuq sekli. Magħrufa wkoll bħala Città Vecchia u Città Notabile, l-Imdina hija l-belt is-siekta li għadha qed tistenna li tiġi mniżżla fil-lista uffiċjali tal-UNESCO bħala sit protett fuq livell globali.

 

 

  1. Marsaxlokk

Il-fama tal-monti ta’ Marsaxlokk għen biex dan il-villaġġ sar destinazzjoni essenzjali għal kwalunkwe turist. Sikwit ħa ssib nies jieklu platt ħut ġenwin ħdejn il-baħar, waqt li oħrajn jippużaw għal rittratt quddiem il-bibien ikkuluriti viċin il-parkeġġ prinċipali.

 

 

  1. Għajn Tuffieħa

Ħafna jagħfuha bħala ‘Golden Bay’, u nistgħu ngħidu li hija l-aktar bajja famuża fil-Gżejjer Maltin. Dan huwa wkoll parzjalment grazzi għar-Riżerva Naturali tal-Majjistral fl-akkwati, li saret popolari ħafna għall-mixi u l-osservazzjoni tal-għasafar.

 

 

  1. Il-Bandiera bis-salib

Wara li r-re Ġorġ VI irregala is-salib lil Malta fl-1942, il-bandiera bajda u ħamra ta’ pajjiżna inbidlet għal dejjem u saret verament unika b’mod mondjali.

 

 

  1. Popeye Village

Il-mibki Robin Williams interpreta l-karattru ta’ Popeye fil-film li ħareg fl-1980, u s-set ikkulurit li nbena għal dak l-istess film fi tmiem is-snin sebgħin baqa’ fejn dejjem kien sal-lum il-ġurnata ġewwa l-Mellieħa.

 

 

  1. It-Tlett Ibliet

X’hemm isbaħ minn mhux waħda, u lanqas tnejn, imma tlett ibliet medjevali ħdejn xulxin li jibqgħu jimmeraviljaw lid-dinja kollha? Iżżur kemm iżżur drabi l-ibliet tal-Birgu, Bormla u l-Isla, żgur li dejjem ser tiskopri xi ħaġa ġdida dwarhom li ġġiegħlek tkun trid terġa tmur mil-iktar fis possibli.

 

 

  1. Ħal Saflieni

Moħbi fost it-toroq ta’ Raħal Ġdid, dak li ħafna jafuh bħala il-Hypogeum ilu jeżisti sa’ minn 4000 sena qabel Kristu. Kont taf li Ħal Saflieni ġie skopert bi żball minn bennej fl-1902?

 

 

  1. Kemmuna

Fis-sajf din il-gżejra tispiċċa miżgħuda, b’kemm turisti u kif ukoll Maltin, minħabba il-baħar blu ċar daqs il-kristall ġewwa Bejn il-Kmiemen (il-verżjoni Maltija tal-‘Blue Lagoon’).

 

 

  1. Il-Belt Valletta

Ma stennejniex li l-belt kapitali Maltija ser insibuha daqshekk l-isfel fil-lista ta’ Google. Pero żgur li l-Belt Valletta tibqa’ l-iktar post f’Malta li hu magħruf minn kulħadd, tant li ħafna barranin jiskantaw li l-ajruport nazzjonali qiegħed ferm ‘il bogħod ġewwa Ħal Luqa.

 

 

  1. Il-Filugranu

Is-sengħa antika ferm tal-ġojjellerija u dekorazzjoni bil-filugranu hija favorita ma’ dawk li jżuru l-Gżejjer Maltin, speċjalment biex jixtruha bħala tifkira żgħira tal-mawra tagħhom.

 

 

Għalkemm ma sabux ruħhom fl-ewwel għaxra mid-drabi differenti li ċċekjajna x’jitla fuq Google, nistgħu nsemmu xi postijiet u affarijiet oħrajn li tfaċċaw ‘l hemm u ‘l hawn:

  • Għar Dalam
  • Il-Fdalijiet ta’ taħt il-baħar tal-HMS Maori
  • Il-Ġgantija u tempji oħra megalitiċi
  • Forti Sant’ Iermu
  • Il-Katakombi ta’ San Pawl
  • Il-Blu Grotto, magħruf ukoll bil-Malti bħala l-Ħnejja
  • Il-Lift tal-Barrakka
  • Bajjiet iżolati, fosthom San Blas u Fomm ir-Riħ
  • Paċeville
  • U bla dubju ta’ xejn l-ikel Malti, b’mod partikolari l-pastizzi
Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com