“Staqsewni jekk hux qed nippjana li jkolli tfal waqt intervista”

 “Staqsewni jekk hux qed nippjana li jkolli tfal waqt intervista”

Ninsabu fis-sena 2024, fejn ngħidu li hawn l-ugwaljanza bejn is-sessi u fejn ngħidu wkoll li rridu lin-nisa fid-dinja tax-xogħol. Madanakollu għadek iġġib għajnejk wara widnejk meta tisma’ t-tip ta’ mistoqsijiet li ċertu kumpaniji għadhom jistaqsu waqt intervisti!

Persuna anonima li tkellmet fuq Facebook spjegat kif riċentament għamlet intervista ma’ kumpanija magħrufa u fost il-mistoqsijiet li staqsewha kien hemm il-famuża: “qed tippjana li jkollok tfal?” Din il-mara ma kinitx taf x’se taqbad twieġeb għal din il-mistoqsija, u bir-raġun.

Ejja nibdew inkissru ftit il-motivazzjoni wara din il-mistoqsija u naraw xi tgħid il-liġi Maltija. L-ewwel nett, ir-risposta ta’ din il-mistoqsija mhix se żżid jew tnaqqas il-kapaċitajiet ta’ din il-mara meta tiġi biex tagħmel ix-xogħol li applikat biex tagħmel. Id-deċiżjonijiet personali tagħha barra mill-post tax-xogħol m’għandhomx lok għal diskussjoni fuq il-post tax-xogħol. Ir-risposta li tagħti din it-mara għal din il-mistoqsija se sservi bħala waħda mir-raġunijiet għaliex din tiġi aċċettata jew inkella rrifjutata għal din il-pożizzjoni. Il-liġi Maltija tgħid l-ebda persuna m’għandha tiġi trattata b’mod diskriminatorju minn persuna oħra, għall-ebda raġuni.

Il-Kostituzzjoni Maltija tkompli tgħid li l-istat Malti jimmira sabiex in-nisa jkunu jistgħu jgawdu drittijiet ugwali u l-istess pagi bħall-irġiel. Iżda ma nafux b’esperjenza ta’ raġel li ħareġ minn intervista għal xogħol u qal li staqsewh jekk għandux ħsieb ikollu tfal.

Apparti minn hekk ir-regolamenti għal trattament ugwali fuq il-post tax-xogħol jiddeskrivu domandi tat-tip bħala diskriminatorji.

Wasal iż-żmien għal penali ħorox fuq kumpaniji li għadhom jaħsbu li jistgħu jistaqsu dawn it-tip ta’ mistoqsijiet? Għidulna fil-kummenti!

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com